Futbol Sport

Il-FIFA tissospendi l-projbizzjoni ta’ Barcelona

Barcelona jistgħu jixtru u jbiegħu plejers matul dan is-sajf wara li l-FIFA ssospendiet il-projbizzjoni li għamlet fuq il-klabb.

Il-ġganti Spanjoli kienu ngħataw sospensjoni ta’ 14-il xahar wara li nstabu ħatja li kisru r-regolamenti fuq l-akkwisti ta’ plejers internazzjonali taħt it-18-il sena.

Madankollu s-sospensjoni issa twaqqfet sakemm jinstema l-appell li għamel il-klabb Katalan.
Barcelona qed jissemmew li jridu jixtru lill-gowlkiper ta’ Borussia Moenchengladbach Marc-Andre ter Stegen u għandhom ukoll ftehim biex jakkwistaw lill-midfielder Kroat Alen Halilovic.

Barcelona kienu ngħataw il-projbizzjoni fit-2 ta’ April u mmultati 450,000 franc Żvizzeru talli kisru r-regolamenti f’għaxar każijiet ta’ plejers tal-minors.

Wara l-appell li għamlu Barcelona, l-FIFA ddeċidiet li minħabba l-komplessivita` tal-każ u l-possibilita` li dan jispiċċa quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS), mhux mistenni jkun konkluż qabel jiftaħ is-suq tat-trasferimenti fl-1 ta’ Lulju u għalhekk issospendiet il-projbizzjoni.