Lokali

Il-Freeport wieqaf għal xi sigħat għax ma kien hemm ħadd min jipproċessa x-xogħol fil-kontejners

Għal numru ta’ sigħat dalgħodu, sal-10am, il-Port Ħieles kien wieqaf f’dak li għandu x’jaqsam mal-ipproċessar tax-xogħol fil-kontejners minħabba li ma kienx hemm Uffiċjali tad-Dwana biex jiċċekkjaw u jiċċertifikaw il-kontejners qabel jirrilaxxaw il-merkanzija biex toħroġ mill-Freeport. Dan wassal biex matul dawn is-sigħat ma ħareġ l-ebda kontejner u l-Management kien kostrett jagħlaq il-kanċell.

Kawża ta’ dan, quddiem il-Port Ħieles inġema’ kju kbir ta’ trakkijiet tal-burdnara jistennew biex jieħdu x-xogħol u jqassmuh. Wassal ukoll biex ix-xogħol waqa’ lura u nħoloq backlog ta’ merkanzija li riedet tiġi ċċekkjata u rilaxxata ħalli tiġi mgħobbija mill-burdnara.

Jidher li s-sitwazzjoni żviluppat għax miż-żewġ Uffiċjali tad-Dwana li suppost kienu xogħol biex jiċċekkjaw il-kontejners, wieħed kien bil-leave u l-ieħor ħareġ bis-sick. Jidher li t-tmexxija tal-Freeport irnexxielha ssolvi l-problema fl-10am. Mill-informazzjoni li għandna, dak il-ħin tqabbdet tfajla biex tagħmel dan ix-xogħol. Madankollu, l-informazzjoni minn sorsi qrib il-Port Ħieles tgħid ukoll li din it-tfajla qatt ma kienet għamlet dan ix-xogħol qabel.

Il-persuni li tkellmu magħna sostnew li hu inkredibbli kif il-Freeport qatt jista’ jasal f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm min jiftaħ il-kontejners biex jiċċekkjahom ħalli jiġu rilaxxati biex jitqassam ix-xogħol. Jidher li xi ħaġa simili qatt ma ġrat qabel.