Ambjent Knisja Lokali

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent imħassba dwar dokumenti tal-Gvern

F’reazzjoni għal żewġ dokumenti ta’ konsultazzjoni maħruġin mill-Gvern u marbutin mal-MEPA u mal-ippjanar u l-ambjent, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja qalet li hi mħassba li ħafna mit-tibdil propost ma jagħtix raġuni xierqa li għaliha qed tkun proposta l-bidla. Dan meta wieħed jeżamina l-effett li t-tibdiliet proposti aktarx se jkollhom fuq l-ambjent, fuq l-iżvilupp sostenibbli u fuq in-nies ta’ kull sitwazzjoni soċjo-ekonomika.

Il-Kummissjoni ssemmi punti li jqanqlu tħassib partikolari, fosthom l-introduzzjoni mill-ġdid tal-outline development permits u t-tneħħija tas-Sitt Skeda, li turi bini li ma jistax jiġi sanzjonat. Il-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja tħoss li fil-kuntest tat-tibdiliet proposti, jista’ jkun li fi żmien 20 sena jkollna ambjent li jkun ġie abbużat minn ftit, b’detriment għal ħafna.

Dan ghax il-proposti jidhru li qed isiru b’kunsiderazzjoni kbira wisq għall-aspettativi tal-iżviluppaturi u b’anqas attenzjoni għall-kunsiderazzjonijiet aktar fit-tul li verament iħarsu l-ambjent għat-tgawdija tal-kotra.