Il-Gvern mhux qed jeskludi l-possibbiltà li jsir krematorju biex iservi bħala għażla oħra minbarra d-dfin tradizzjonali fl-oqbra. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-MEPA nediet policy ġdida dwar iċ-ċimiterji li se tgħaddi minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għal perjodu ta’ sitt ġimgħat sas-6 ta’ Ġunju.
Id-dokument jipprovdi wkoll qafas biex, għall-ewwel darba, ikunu nklużi metodi alternattivi ta’ dfin jew funerali. Fosthom difna fil-baħar li bħalha f’Malta jsiru xi ħamsa fis-sena. U appuntu l-possibiltà ta’ krematorju – metodu li skont il-MEPA hu vijabbli finanzjarjament.
Jipproponi li l-bini ta’ ċimiterji ġodda jkun ipprojbit. U estensjonijiet jew żieda ta’ oqbra f’ċimiterji eżistenti, jkunu permessi biss sakemm ikun hemm ġustifikazzjoni suffiċjenti. Illum hawn 50 ċimiterju f’Malta u Għawdex li qed jintużaw, li minnhom 34 huma proprjetà tal-Knisja.
//= $special ?>