Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-PBS jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista għat-tieni ġurnata konsekuttiva

Il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment lill-Public Broadcasting Services wara li, għat-tieni ġurnata konsekuttiva tal-kampanja elettorali, għażel li ma jibgħatx ġurnalist biex jirrapporta attività politika mill-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija l-PN qal li filwaqt li nhar it-Tlieta l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ma attendietx għaż-żjara li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista lill-kumpanija Attard & Co Ltd, l-Erbgħa filgħodu l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ma attendietx għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, li matulha tħabbru numru ta’ punti ta’ politika relatati max-xogħol u l-ekonomija f’Għawdex.

Il-PN saħaq, fl-istqarrija, li din ma hi xejn għajr ċensura waqt kampanja elettorali.

F’ittra separata, il-Partit Nazzjonalista lmenta dwar in-nuqqas ta’ bilanċ fil-mod kif ġew ippreżentati l-captions taż-żjarat li għamlu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ nhar it-Tlieta.