Waqt attività politika tal-Partit Laburista f’Ħal Tarxien, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’sena, l-Gvern Laburista naqqas id-dejn tal-Enemalta bin-nofs. Imma l-Prim Ministru ma qalx li dan sar billi ipprivatizza lil Korporazzjoni Enemalta u kiser wegħda li għamel lil ħaddiema tal-Enemalta qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet li ma kienx se jipprivatizza lil Enemalta. Lanqas semma xejn dwar il-ħaddiema tal-Enemalta li jinsabu inkwetati dwar il-futur tagħhom u ma jafux jekk hux se jispiċċaw jaħdmu ma kumpanija Ċiniza bi tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom.
Skont Joseph Muscat matul din l-ewwel sena tal-Gvern Laburista ma żiedx it-taxxi u naqqas id-defiċit. Il-Prim Ministru naqas li jsemmi ż-żieda fenominali fil-liċenzji tal-karozzi, il-flus li qed ikollhom joħorġu l-anzjani pazjenti biex jixtru mediċini li suppost jingħatawlhom b’xejn imma li jkunu out of stock mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għazla Tiegħek. Ma semmiex lanqas li f’sena d-dejn tal-pajjiż kiber b’aktar minn 5% jiġifieri bi €373 miljun u n-nollijiet tat-trasport pubbliku se jkollhom jogħlew.
Joseph Muscat ftaħar li l-Gvern qed iwettaq programmi favur iż-żgħażagħ u t-tfal permezz ta’ flus li Malta qed tieħu mill-Unjoni Ewropea.
Ta’ min ifakkar li kien l-istess Joseph Muscat li 10 snin ilu ħadem bis-sħiħ biex Malta ma tidħolx fl-Unjoni Ewropea u appella lil poplu Malti biex ma jmurx jivvota jew jivvota kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u ried Zvizzera fil-Mediteran.
Ta’ min ifakkar li kien l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi li ftit iktar minn sena ilu irnexxielu jakkwista għal pajjiżna €1,128 miljun mill-Unjoni Ewropea għas-seba snin bejn din is-sena u s-sena 2020.
//= $special ?>