Kull sena, l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir, tkun iċċelebrata l-Festa tradizzjonali ta’ San Girgor. Din it-tradizzjoni daħlet f’pajjiżna fl-1781 u, minbarra l-aspett reliġjuż bil-purċissjoni li għadha ssir fiż-Żejtun, għandha wkoll il-lat kummerċjali tagħha. Dan hekk kif f’Marsaxlokk diversi bejjiegħa jarmaw stands u jbigħu kull tip ta’ affarijiet. Fuq kollox, skont it-tradizzjoni wkoll, f’din il-ġurnata jkun hemm min jiftaħ l-istaġun tiegħu tal-għawm u jieħu l-ewwel għawma dejjem jekk it-temp ikun jippermetti.
Għalkemm l-element folkloristiku ta’ din il-Festa llum xorta għadu hemm, dari kien aktar b’saħħtu u f’San Girgor kienet issir purċissjoni kbira bil-ġurnata tinkludi wkoll it-tradizzjonijiet u l-folklor tal-ħajja Maltija. Fl-imgħoddi, pereżempju, bosta kienu dawk l-għannejja li jinżlu sa Marsaxlokk biex jgħannu, filwaqt li diversi bdiewa kienu jarmaw bil-ful u l-ħobż taż-żejt. Illum il-ġurnata dan inbidel u f’Marsaxlokk f’dan il-jum l-aktar li tista’ ssib huma l-bejjiegħa tal-Monti u xi ftit tombla. Anke l-purċissjoni biddlet il-format tagħha għax m’għadhiex issir bħal qabel bir-relikwa.
Dik li qabel kienet purċissjoni nazzjonali, illum issir mill-Knisja ta’ San Klement fiż-Żejtun għall-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun stess, bejn id-9.30am u 12pm. Ikun imbagħad wara din il-purċissjoni li wħud minn dawk li jattendu jinżlu sa Marsaxlokk għall-ewwel għawma.
Sadanittant, San Girgor twieled f’familja nobbli Rumana meta l-Imperu Ruman kien qed jaqla’ d-daqqa tal-mewt. Laħaq Gvernatur ta’ Ruma, iżda eventwalment irriżenja u mill-bejgħ tal-propjetà tal-familja sinjuruna tiegħu, waqqaf seba’ Kunventi tal-Benedittini biex jieħdu ħsieb il-foqra ta’ Ruma. Aktar tard laħaq Papa, li fl-istorja baqa’ jissejjaħ bħala Girgor il-Kbir. Fiż-Żejtun mhux biss hemm Knisja ddedikata lill-Papa Girgor, iżda hemm ukoll statwa artistika tiegħu li, fuq inizjattiva tal-NGO Wirt iż-Żejtun, għadha kif ġiet restawrata.
//= $special ?>