Internazzjonali

Investigati “oġġetti ta’ interess”

L-awtoritajiet Awstraljani qed jinvestigaw dawk li qed jiġu deskritti bħala “oġġetti ta’ interess” li nstabu tul il-kosta Awstraljana qrib iz-zona fejn qed isir it-tfitxija għall-ajruplan tal-Malaysian Airlines.

Intqal li nstabu diversi oġġetti metalliċi u issa qed ikunu investigati beix jaraw jekk humiex tal-ajruplan li għeb fit-8 ta’ Marzu. Fost l-affarijiet hemm folja tal-metall bir-rivets fuq naħa u kisja fibreglass.

L-awtoritajiet Awstraljani qalu li l-oġġetti instabu qrib il-belt ta’ Augusta, mijiet ta’ kilometri minn fejn l-ajruplan hu maħsub li ġġarraf fl-Oċean Indjan. Ritratti tal-affarijiet li nstabu ntbagħtu wkoll lill-investigaturi Malasjani beix jaraw jekk jistgħu jkunu tal-ajruplan.

Dan hekk kif il-Gvern Awstraljan qal li aktarx wasal iż-żmien biex tkun analiżata l-mod kif qed isir it-tfitxija u jintuża tagħmir ġdid għat-tfitxija taħt il-baħar. Imma insista li l-ispejjeż li kull ma jmorru qed jiżdiedu fit-tfitxija mhux se jeffettwa l-ħidma li qed isir. S’issa sottomarin remote controll fittex fi 80 fil-mija taz-zona fejn hu maħsub li Iġġarraf l-ajruplan fl-Oċean Indjan imma mingħajr suċċess.

Tony Abbott, il-Prim Ministru Awstraljan, warrab spekulazzjoni ġdida li l-ajruplan seta’ niżel x’imkien.