Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Għawdex Lokali

Ix-xogħol u n-negozju f’Għawdex jinsab wieqaf – Chris Said

Minkejja li sena ilu Joseph Muscat wiegħed xogħol lill-Għawdxin f’Għawdex stess, illum il-ġurnata l-qgħad għola għal 6%, minbarra l-fatt li n-negozju f’Għawdex jinsab wieqaf u x-xogħol qed jingħata lil tal-qalba. Saħaq dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Qala Għawdex. Preżenti kien hemm wkoll żewġ kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech u Kevin Cutajar.

Chris Said sostna li fl-aħħar xhur diversi ħaddiema Għawdxin ingħataw transfer lejn Malta. Dan imur kompletament kontra waħda mill-wegħdi ta’ Muscat lill-Għawdxin. Barra minhekk, l-unika inizjattiva fil-qasam tax-xogħol f’Għawdex kienet l-iskema “Sebbaħ u Ħaddar”, li toffri xogħol b’kundizzjonijiet prekarji. Iżda kuntrarju għal dan, persuna fil-qalba tal-Partit Laburista, Joe Debono Grech, ingħata xogħol b’paga ta’ €12,000 biex jgħasses lill-Għawdxin, kif qed ikun deskritt mill-Għawdxin stess, kompla jgħid Chris Said.

Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN tkellem dwar l-aċċessibbiltà f’Għawdex. Hawn, hu għamel referenza għall-ftehim li Gvern Laburista għamel ma’ kumpanija Ċiniża, li hi black-listed, biex isir pont bejn Malta u Għawdex. Iżda s’issa l-istudji dwar dan il-pont, sena wara, għadhom weqfin.