Żagħżugħ ta’ 25 sena, residenti l-Imsida tpoġġa taħt probation mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li ammetta li seraq “driller” biex jgħin lil zijuh iħallas il-kera. Nhar it-Tnejn waranofsinhar, għall-ħabta tal-4.00pm, Daniel Stayonov Chernov mar jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, fejn qal li kien insteraqlu “driller” li jiswa madwar €300, u li dan kien fil-vann tiegħu.
Din il-biċċa għodda u l-vann kien propjeta’ tal-kumpanija Servgroup. Il-Pulizija nvestigaw il-każ u raw CCTV Cameras fl-inħawi fejn irriżulta li żewġ persuni kienu mdaħħla f’din is-serqa. Wieħed mill-ħallelin kien liebes beritta tal-“baseball” u nuċċali tax-xemx.
Iż-żewġt irġiel kienu osservati jitkellmu, u aktar tard iż-żgħir mit-tnejn, mar lejn il-vann u minnu ħa kaxxa sewda li kien fiha d-“driller”. Ir-raġel wieħed, akbar fl-età, kien identifikat bħala Martin Tabone, li mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-Ispettur Jason Sultana ordna l-arrest għal persuna suspettata, u li dan qal lill-Pulizija li r-raġel l-ieħor kien in-neputi tiegħu Omar Bekbak. Waqt it-tfittxija li saret fir-residenza tal-akkużat, il-Pulizija sabet id-“driller” misruq flimkien mal-beritta tal-“baseball” u ħwejjeġ li Bekbak deher bihom minn fuq il-cameras.
Waqt l-interrogazzjoni, Bekbak qal lill-Pulizija li zijuh kien innota “driller” li jiswa’ ħafna flus, imma peress li reċentament kien instab ħati fuq serq, huwa beża’ jisirqu.
Huwa iżda baqa’ jikkummenta dwar kemm kellu bżonn il-flus u li ried il-flus għaliex peress li ma kienx ħallas il-kera, kienu se jitfgħuh il-barra. Qal li kien għalhekk li ħa d-“driler” f’isem zijuh. Dan inbiegħ lil persuna oħra, iżda meta sar jaf li kienu arrestaw lil zijuh, reġa’ xtara d-“driller” lura, Bekbak qal lill-Pulizija.
Bil-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tikkonsidra l-ammissjoni bikrija, hija ordnat li dan jitpoġġa taħt probation għal perjodu ta’ disa’ xhur. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għal Bekbak.
//= $special ?>

