Futbol Sport

Juventus jimmiraw għal post fil-finali f’Turin

Il-Ħamis jintlagħbu l-ewwel legs tas-semifinali tal-Europa League u Juventus se jkunu qed ifittxu li jiksbu riżultat tajjeb barra minn darhom kontra Benfica biex ikunu f’qagħda tajba li jikkwalifikaw għall-finali tal-14 ta’ Mejju li se ssir proprju fil-grawnd tagħhom f’Turin.

Bħalissa Juventus għandhom vantaġġ ta’ tmien punti f’ras il-klassifika tal-kampjonat Taljan u b’hekk jistgħu jikkonċentraw fuq din il-kompetizzjoni meta quddiemhom se jsibu tim mill-aqwa li għadu kemm ġie inkurunat champion tal-Portugall għat-33 darba. Juventus resqin lejn ir-rebħ tat-30 Scudetto fl-istorja tagħhom.

Benfica, staġun ilu ġew eliminati fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni u jridu jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba. Mill-erba’ timijiet li fadal f’din il-kompetizzjoni, Juventus, Seville u Valencia, huma biss Benfica li qatt ma rebħu l-Europa League jew kif kienet magħrufa qabel, it-Tazza UEFA .

L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu f’Lisbona kien f’Marzu tal-1993 u Benfica rebħu 2-1. Ironikament, wieħed mill-plejers ta’ Juventus dakinhar kien Antonio Conte, il-kowċ tal-Bianconeri.

Mis-27 darba li Benfica lagħbu kontra avversarji Taljani rebħu tmienja, ġew draw erba’ darbiet u tilfu 15. Dan jawgura tajjeb għal Juventus li f’disa’ konfronti kontra timijiet Portugiżi rebħu ħamsa, ġew draw darba u tilfu tlieta. Benfica u Juventus huma l-uniċi żewġ timijiet li għadhom bla telfa f’din il-kompetizzjoni dan l-istaġun.

Aħbar ħażina għal Benfica hi li l-winger Eduardo Salvio se jkun nieqes minħabba li weġġa’ fi tmiem il-ġimgħa u mistenni jitlef anke l-aħħar fażi tal-istaġun. Biex waslu s’hawn, fil-kwarti tal-finali Benfica eliminaw lil AZ Alkmaar filwaqt li Juventus eliminaw lil Lyon.

Semifinali kollha Spanjola
Wara li wettqu rimonta mill-aqwa, Valencia issa jilagħbu fl-ewwel leg tas-semifinali kontra tim ieħor Spanjol, dak ta’ Seville. Valencia tilfu l-ewwel leg tal-kwarti tal-finali 3-0 kontra Basel imma fit-tieni leg rebħu 3-0 sad-90 minuta u fil-ħin barrani skurjaw tnejn oħra biex għaddew b’aggregate ta’ 5-3. Seville eliminaw lil Porto u issa jilagħbu kontra tim li fil-klassifika tal-kampjonat Spanjol għandu vantaġġ ta’ 14-il punt fuqu. Fi tmiem il-ġimgħa Seville għelbu lil Granada 4-0 filwaqt li Valencia ġew draw 1-1 kontra Osasuna.

Fid-darbtejn li lagħbu kontra xulxin fil-kampjonat dan l-istaġun Valencia rebħu l-ewwel rawnd 3-1 u draw 0-0 barra minn darhom. Filwaqt li Seville u Valencia qatt ma iltaqgħu kontra xulxin f’kompetizzjonijet tal-UEFA, lagħbu 207 darbiet kontra xulxin. Valencia rebħu 95 konfront, ġew draw 35 darba u tilfu 77 darba. Minkejja li Valencia hu l-aktar tim li ħareġ rebbieħ mill-konfronti diretti, Seville ilhom għal dawn l-aħħar 13-il logħba ma jitilfu f’darhom kontra l-istess Valencia. L-aħħar darba li Valencia għelbu lil Seville f’darhom kien fl-2004.

Għal Seville din se tkun it-tieni darba dan l-istaġun se jkunu qed jilagħbu kontra tim Spanjol fejn fir-rawnd tal-aħħar 16 kienu eliminaw lil Real Betis wara l-ħin barrani. Il-kowċ ta’ Seville Unai Emery se jkun qed jilgħab kontra l-eks tim tiegħu.