Futbol Sport

Kummenti pożittivi dwar referees Maltin

Waqt il-Kunsill tal-MFA li tlaqqa’ nhar it-Tlieta, tħabbar li wara l-bdil ta’ referees bejn Malta u l-Irlanda ta’ Fuq, l-MFA irċeviet kummenti tajbin ħafna. Ir-referees kienu Clayton Pisani, Keith Debattista u Mario Apap. Huma ġabu marki eċċellenti – Clayton Pisani ġab 8.3 waqt li l-oħrajn kisbu 8.4.

Minbarra dan l-MFA irċeviet email li waslet lin-Northern Ireland Football League mingħand partitarju Irlandiż li qal “I travelled to the match tonight with a group of friends. I just had to send an email to say how brilliant the match officials from Malta handled the game. Everyone agreed from both sides about how fantastic they were and I would love to see them more often.”

Din l-email intlaqgħet b’applaws mid-delegati preżenti.

Il-President tal-MFA qal li dawn l-emails jaqrahom biex juri li meta l-uffiċjali Maltin imorru jirreffjaw barra u ma jkunux preġudikati, dejjem iġibu kummenti tajbin. “Inħoss li l-per.ezzjoni tagħna hi li meta referee jiżbalja, għax hu uman bħal kulħadd, l-iżbalji jitkabbru żżejjed. Madankollu meta jmorru barra qalb nies li ma jafuhomx, fil-maġġoranza tagħhom juru kemm għandna livell aċċettabbli ħafna jekk mhux tajjeb ħafna. Hawn Malta ma żball nirċievu emails bl-addoċċ”, kompla Darmanin Demajo waqt li qal li hu kuntent ħafna bix-xogħol li sar mid-Dipartiment tar-Referees.

Jingħataw ir-release
Tħabbar ukoll li waqt laqgħat tal-Complaints Board, Joseph Bajada u Elson Briffa ngħataw ir-release minn Mqabba u Pieta` Hotspurs rispettivament wara li ma kinux imniżżla fir-retained list. Kien hemm ukoll il-każ ta’ Uchenna Anyanwu kontra Kirkop United, b’dawn tal-aħħar ġew ordnati jħallsu s-somma ta’ 1,160 ewro lill-plejer.

Il-Complaints Board tal-MFA ordna lill-plejer Simão Ayres Cerqueira irid iħallas is-somma ta’ 1,440 ewro lil Żabbar St. Patrick sat-30 t’April wara li kiser il-kuntratt meta qabad u ħalla pajjiżna fil-15 ta’ Jannar mingħajr permess mill-istess klabb. B’hekk ġiet milqugħa t-talba ta’ Żabbar biex jieħdu kumpens tal-aħħar erba’ xhur li l-plejer kien għad kellu fil-kuntratt.

Sar magħruf ukoll li l-MFA kitbet lill-attakkant Brażiljan ta’ 25 sena biex jagħti r-raġunijiet tiegħu għaliex qabad u ħalla pajjiżna.

Żabbar qed jitolbu wkoll biex ma tinħariġx l-international clearance tal-plejer u allura ma jkunx jista’ jiffirma ma’ tim ieħor.

Grabowski ħati
Il-Complaints Board sab li lill-Iżvediż Andre Grabowski, li kiser il-kuntratt tiegħu ma’ Lija Athletics meta “ħarab minn Malta u ħadd iktar ma sema’ b’aħbaru.” Għalhekk il-plejer ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €2,173.50 sat-30 t’April waqt li l-kuntratt tiegħu ġie tterminat. Sadanittant Lija A ħabbru li tterminaw is-sospensjoni tal-plejer Chris Calleja.

Sunday Eboh kiteb lill-bord biex jingħata unconditional release tal-kuntratt tiegħu mill-klabb ta’ Floriana. Madankollu l-bord ma kellux għalfejn jieħu deċiżjoni minħabba li ż-żewġ partijiet laħqu ftehim qabel instema’ l-każ.

Tħabbar ukoll li Ruben Buttigieg irriżenja minn teżorier u mill-kumitat ta’ Floriana FC u floku nħatar Mark Frendo waqt li Pieta` ħabbru li Mario Borg reġa’ ddaħħal fil-kumitat bħala Viċi-President u First Delegate tal-klabb.

Vittoriosa ħabbru li l-Kumitat iddeċieda li Joe Scicluna, ‘iċ-ċosi’, se jżomm il-pożizzjoni tiegħu fil-Kumitat sal-aħħar tal-istaġun wara li kienet ħarġet l-aħbar li kien offra r-riżenja.
Dione Drago rriżenja minn President minħabba “raġunijiet personali u mhux minħabba sitwazzjonijiet fil-klabb.” Dr. Raymond Catania nħatar bħala Acting President.

Sar magħruf ukoll li Ħamrun Spartans li se jorganizzaw Laqgħa Ġenerali Straordinarja nhar is-27 t’April bl-aġenda tkun il-futur tal-klabb, immultaw lill-plejer tagħhom Sergio Hili s-somma ta’ 375 ewro wara mġieba ħażina f’logħba ta’ ħbiberija.

L-MFA s’issa rċeviet iktar minn 23,000 talba biex żgħażagħ jattendu għal xi logħba jew iktar mill-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej 17 tal-UEFA. Anke ċ-ċentri miftuħa li jilqgħu l-immigranti rregolari aċċettaw il-parteċipazzjoni tagħhom.

Tħabbar ukoll li s-serata tal-awards tal-MFA se ssir fis-27 ta’ Ġunju fl-Istadium Nazzjonali, fil-pitch taħt is-South Stand.