Qorti

Mhux ħati li stupra lil kuġintu iżda ħati li offenda l-morali pubbliċi

Raġel ta’ 30 sena minn Ħal Kirkop ma nstabx ħati li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ kuġintu, li hi ta’ nazzjonalita’ barranija, iżda nstab ħati li offenda l-morali pubblika wara li kellu x’jaqsam mat-tfajla fil-karozza tiegħu fil-parkeġġ ta’ Wied iż-Żurrieq. Hu kien ikkundannat xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €500.

Għall-ewwel il-Pulizija kienu se jixlu lir-raġel bi stupru, iżda wara li tkellmu mat-tfajla, deherilhom li ma kienx hemm provi biżżejjed ta’ stupru. Hu ma nstabx ħati lanqas li sar reċidiv u li kkommetta reat meta kellu sentenza sospiża. Il-każ seħħ bejn is-17 u t-18 ta’ Mejju 2008. L-akkużat kien qal li hu ma kellux avukat ta’ fiduċja tiegħu meta ttieħditlu l-istqarrija, iżda l-Qorti ma tatx każ dan kollu għax qalet li r-raġel mhux l-ewwel darba li kien arrestat mill-Pulizija u tahom stqarrija. Għalhekk kellu esperjenzi bħal dawn qabel, fosthom fuq akkużi ta’ serq.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, qalet li r-raġel hu bniedem matur biżżejjed u li meta kien għad kellu 23 sena kien diġà għadda minn tliet każijiet. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-2.45am, qabel ma l-Pulizija rċeviet rapport minn Chris Micallef, li kien il-barman fir-Remissa Bar fl-Imqabba, li qal li kien hemm mara barranija li kienet qed tallega li kienet ġiet stuprata. Meta l-Pulizija marret fil-post sabu lil din il-mara bil-handbag u qalziet ta’ taħt f’idejha. Dak il-ħin, hi allegat li kienet ġiet stuprata minn kuġinuha stess u li iżda ma kinitx taf fejn kien joqgħod. Hi kienet ukoll irrifjutat li tagħti d-dettalji tagħha u ta’ kuġinuha lill-Pulizija.

Meta ttieħdet l-Isptar Mater Dei biex tiġi eżaminata, fejn irriżulta li kienet ukoll fis-sakra, il-mara kienet aggressiva mal-Pulizija, tant li kellhom jimmanettjawha. Ħin minnhom, hi anke talbet lill-Pulizija biex tmur sal-kamra tal-banju waħedha. Iżda x’ħin daħlet u sakkret lilha nnifisha ġewwa, il-Pulizija bdew jaħsbu ħażin u meta daħlu fuqha sabu li ppruvat tikkommetti suwiċidju biċ-ċinga tal-handbag. Minn eżami li sar fuqha minn Dr Carmen Portelli, irriżulta li ma kienet saret l-ebda vjolenza fil-parti ġenitali tagħha.

Sadanittant, meta l-mara kienet l-Isptar, kienet semmiet lil kuġinuwha b’ismu. Meta l-Pulizija marru jkellmuh, kien stqarr li kien ilu jaf lill-kuġina tiegħu bejn xahar u nofs u xahrejn. Dakinhar qal li kien qed jixrob f’każin f’Ħal Kirkop, fejn ra lil kuġintu. Hu offrielha biex tmur dawra bil-karozza miegħu u hi aċċettat u marru fil-parkeġġ ta’ Wied iż-Żurrieq. Qal li kien hemm li kellhom atti sesswali bil-kunsens tagħha.

Hu qal li hi kienet fis-sakra u wara li lestew anke riedet tixrob il-vodka. Qal li ħadha f’ħanut l-Imqabba u anke taha l-flus biex tixtri l-vodka. Tenna li daħlet fil-ħanut, iżda ma ħarġitx u wara li għadda xi ftit tal-ħin mhux ħażin telaq għax kien iddejjaq jistenna. Mix-xhieda tas-Serologu Paul Sultana, irriżulta li nstabu traċċi li juru li t-tnejn għamlu l-att sesswali. Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li kkunsidrat il-fatt li ma kien hemm l-ebda tbenġil fuq il-mara u li tat lill-Pulizija diversi verżjonijiet. Għalhekk, mhijiex kredibbli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina.