Futbol Sport

Mourinho jrid iserraħ il-plejers kontra Liverpool

Jose Mourinho qal li jrid iserraħ il-plejers importanti għal-logħba mill-Premier League kontra Liverpool il-Ħadd.

Il-Blues għadhom fil-ġlieda għar-rebħ tat-titlu fl-Ingilterra meta fadal tliet partiti imma Mourinho jrid jikkonċentra fuq it-tieni leg tas-semifinali taċ-Champions League kontra l-liders ta’ La Liga Atletico Madrid wara draw 0-0 fil-Calderon it-Tlieta.

Madankollu qal li d-deċiżjoni li jserraħ il-plejers tista’ ma tkunx tiegħu.

“Ma nistax niddeċiedi waħdi. Jien biss il-manager. Irrid nisma mill-klabb.”

It-telfa li ġarrbu Chelsea kontra Sunderland 2-1 il-ġimgħa l-oħra tfisser li anke rebħa f’Anfield tista’ ma tkunx biżżejjed biex twaqqaf lil Liverpool milli jirbħu l-24 kampjonat fl-istorja tagħhom. Imma Manchester City, li lagħbu logħba anqas minn Chelsea u Liverpool, għadhom biċ-ċans li jirbħu l-kampjonat bid-differenza ta’ gowls jekk jirbħu l-erba’ partiti li fadlilhom u Liverpool jitilfu logħba.

Meta nfurmat li jekk iserraħ il-plejers kontra Liverpool, City ma jieħdux gost, Mourinho wieġeb. “Naħseb li hekk se nagħmel imma rridu niddiskutuha internament.”

Mourinho tilef sa tmiem il-Kampjonat lill-captain John Terry u l-gowlkiper Petr Cech minħabba injuries għand Atletico Madrid u jemmen li l-partita ta’ ritorn fi Stamford Bridge hi aktar importanti.

Il-Portugiż qal li Terry jilgħab biss jekk il-Blues jagħmluha sal-finali fl-24 ta’ Mejju waqt li l-Premier League jintemm fil-11 ta’ Mejju.

Frank Lampard u John Obi Mikel huma sospiżi għat-tieni leg u għalhekk mistennija jilagħbu kontra Liverpool l-istess bħal Nemanja Matic u Mohamed Salah li ma jistgħux jilagħbu fl-Ewropa.

“Kellna l-problemi qabel u waqt il-logħba imma se nibqgħu nissieltu. Ma bdejniex il-logħba naħsbu fuq 0-0 imma l-logħba tieħu triq fejn imbagħad tħossok li għandek tilgħab safe u ma taqlax gowl. Issa se nkunu qed nilagħbu 90 minuta ta’ staġun fi Stamford Bridge. Se tkun logħba diffiċli.”

Mourinho qal ukoll li l-logħba f’Anfield kellha titressaq għas-Sibt biex tgħin lil Chelsea fiċ-ċansijiet tagħhom għall-Ewropa bħala l-uniku rappreżentant Ingliż.

Intant il-kowċ ta’ Atletico Diego Simeone ammetta li t-tim tħabat biex jinfed id-difiża ta’ Chelsea imma għadu fiduċjuż għat-tieni leg.

“Kienet impossibli. Iddefendew tajjeb ħafna u dan iħalli l-kwalifikazzjoni miftuħa. Se jkunu f’darhom, se jħossuhom aħjar u rridu nistennew ġimgħa oħra biex naraw x’se jiġri,” qal Simeone.