Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Muscat jibgħat lil Konrad Mizzi anke għal chat fuq Facebook

Illum il-gurnata, b’mod speċjali f’kampanja elettorali fuq bażi nazzjonali, is-social media tingħata importanza kbira mhux biss mill-partiti politiċi, iżda wkoll mill-kandidati b’mod individwali. Dawn normalment joħolqu l-Paġna tagħhom, fejn itellgħu ritratti tal-kampanja u jxerrdu l-messaġġ tal-partit. Is-sena li għaddiet, waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali, iż-żewġ partiti politiċi niedew inizjattiva ġdida għal pajjiżna, jiġifieri l-possibbiltà ta’ live chat mal-mexxejja tal-partiti rispettivi jew anke ma’ Deputati u kandidati.

Din is-sena, fit-tieni jum tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista għażel li jirrepeti din l-inizjattiva biex jikkomunika b’mod virtwali mal-poplu Malti u Għawdxi. Fl-istess jum, il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista kienet ibbażata fuq żjarat fil-postijiet tax-xogħol u djalogu man-nies. Fl-istess jum ukoll, Muscat sejjaħ lill-media biex iżur lit-tifla tal-kuġina tiegħu fl-Isla.

Iżda għal darb’oħra, bħalma għamel fil-video tal-kampanja li fih deher Muscat waħdu, il-Partit Laburista reġa’ ħeba lill-kandidati tiegħu. Fil-fatt, biex jitkellem mal-pubbliku lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista qabbad lill-Ministru Konrad Mizzi biex iwieġeb il-mistoqsijiet wara li l-istess Ministru ntbagħat iżur is-Suq tal-Birgu. Fiċ-chat tkellmu biss mal-Ministru 10 persuni, bil-maġġoranza tagħhom b’mistoqsijiet dwar il-Korporazzjoni Enemalta.

Fost l-oħrajn, persuna staqsiet lill-Ministru dwar l-involviment taċ-Ċina fit-tmexxija tal-Enemalta, filwaqt li raġel ieħor esprima t-tħassib tiegħu dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Korporazzjoni. Mistoqsijiet oħra kienu jitrattaw is-saħħa u anke inġustizzji li ċerti persuni hassew li saru fil-konfront tagħhom fl-aħħar sena.