Ambjent Lokali

Preżentatur tal-BBC jgħid li s-sitwazzjoni tal-kaċċa f’Malta hi “ddisprata”

Ambjentalist magħruf Ingliż, li hu wkoll preżentatur ta’ programmi dwar in-natura, akkuża lill-awtoritajiet Maltin li mhux qed jirnexxielhom iwaqqfu qtil fuq skala kbira ta’ għasafar li jkunu qed ipassu minn fuq Malta. Chris Packman, li bħalissa jinsab f’Malta, sostna fuq programm tar-radju tal-BBC u fuq is-sit elettroniku tal-istazzjon nazzjonali Ingliż li speċi rari ta’ għasafar qed jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi Maltin. Hu ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda “ddisprata”.

Hu sostna li bl-iskuża tad-deroga li għandha Malta mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, li tippermetti l-kaċċa fuq il-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa, ħafna kaċċaturi jisparaw fuq tajr ieħor li suppost hu protett. Packman, li jippreżenta dokumentarji dwar l-ambjent naturali, jinsab f’pajjiżna biex jgħin lil Birdlife Malta fil-kampanja tagħha kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.