Kultura

U-Film tiffirma ftehim ma’ Tayrona Entertainment dwar seba’ produzzjonijiet ċinematografiċi

Tayrona Entertainment Studios hi kumpanija ta’ produzzjoni rinomata fil-qasam tal-finanzjament ta’ films, kif ukoll tal-produzzjoni u distribuzzjoni tagħhom u fir-rappreżentazzjoni ta’ atturi b’ħidma fi bliet bħal Los Angeles, Toronto, Miami u l-Amerka Latina kollha. Din il-ħidma issa se tkun qed tiġi estiża wkoll lejn Malta, bi produzzjonijiet li mistennijja jibdew lejn tmiem l-2014 u li jibqgħu sejrin sal-2017.

Tayrona pprovdiet għajnuna fil-qasam tal-finanzjament u produzzjoni ta’ films ta’ kwalità għolja f’Hollywood u għal festivals internazzjonali taċ-ċinema u għat-televiżjoni għal dawn l-aħħar 30 sena. Fost dawn, wieħed isib films bħal “The Mission”, b’Robert de Niro u Jeremy Irons fil-partijiet prinċipali, “Cobra Verde”, b’direzzjoni ta’ Werner Herzog, “Chronicle of a Foretold Death”, b’direzzjoni ta’ Francesco Rossi, “Nostromo” b’Albert Finney u Colin Firth bħala l-atturi prinċipali, “Proof of Life”, b’Russell Crowe u Meg Ryan bħala protagonisti ewlenin, “The Dancer Upstairs”, b’direzzjoni ta’ John Malkovich, “Reversal of Love” b’distribuzzjoni tal-MGM, “Zorro, The Series” flimkien mal-kumpanija Sony u s-serje popolari u rebbieħa ta’ bosta premjijiet “Quo Vadis”, fost l-oħrajn.

U-Group u l-qasam ċinematografku tal-kumpanija, U-Film (magħrufa preċedentament bħala Film Corporation), ilhom għaddejjin b’diskussjonijiet mal-kumpanija Tayrona għal dawn l-aħħar xhur sakemm intlaħaq dan il-ftehim biex U-Film toffri s-servizzi tagħha f’numru ta’ produzzjonijiet ta’ din il-kumpanija.

Dan il-ftehim jinkludi wkoll il-bini ta’ numru ta’ soundstages, li se jkunu qed jiġu mibnija minn U-Group. Dan se jservi wkoll bħala kontinwazzjoni tal-istrateġija tal-U-Film, dik li tkun kumpanija proattiva, mhux biss fil-qasam lokali, iżda wkoll f’dak internazzjonali. Il-viżjoni unika li għandha U-Film poġġietha fil-quċċata tal-produzzjonijiet ċinematografiċi. Dawn il-produzzjonijiet se jkunu qed igawdu wkoll minn investiment finanzjarju matul numru ta’ snin u l-ħolqien ta’ numru ta’ mpjiegi marbuta mal-industrija tal-films.