Kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, biddel il-Liġi biex Deputati li ma jkunux Ministri jew Segretarji Parlamentari xorta jagħtihom karigi mal-Gvern, bħalma ġara fil-każi ta’ Silvio Schembri, Luciano Busuttil, Deo Debattista u Joe Debono Grech. Għaldaqstant, hemm min qed jistaqsi għaliex Charles Mangion, li għadu kif ġie elett mill-ġdid fil-Parlament minflok Marie Louise Coleiro Preca, irriżenja minn Chairman tal-Enemalta.
L-aħbar li Mangion irriżenja minn din il-kariga li kien ħatru fiha l-Gvern ta’ Muscat stess, ħarġet fl-aħħar sigħat, waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fil-kwartieri tal-Enemalta fil-Power Station tal-Marsa. Hu kien akkumpanjat mill-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi. Minflok Mangion, għalissa qed jaġixxi bħala Aġent Chairman tal-Korporazzjoni id-Deputat Chairman Joe Ellul Vincenti.
Sadanittant, waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Power Station, il-Ministru Konrad Mizzi tkellem dwar l-iżviluppi li qed iseħħu fl-Enemalta. Hu reġa’ sostna li l-Enemalta kellha dejn ta’ €800 miljun, li issa se jonqos bin-nofs. Dan filwaqt li fakkar li t-tariffi tal-enerġija għall-familji tnaqqsu u s-sena d-dieħla se jorħsu wkoll it-tariffi għan-negozji. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment Ċiniż fl-Enemalta u qal li l-impjiegi tal-ħaddiema huma garantiti.
Muscat iggarantixxa wkoll li l-ebda ħaddiem mhu se jintbagħat jaħdem barra minn Malta jekk dan ma jkunx irid. F’każ li ma jkunx hemm ħaddiema biżżejjed, sostna l-Prim Ministru, se jintbagħtu ħaddiema żgħażagħ li jkunu jixtiequ jaħdmu baarra. Garanzija oħra mogħtija mill-Prim Ministru lill-ħaddiema tal-Enemalta kienet li huma se jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom.
Skont il-Prim Ministru, l-investiment Ċiniż fil-Power Station kien l-akbar investiment barrani li l-pajjiż qatt attira. Bħalissa qed ikunu kkunsidrati wkoll il-possibbiltajiet li jinstabu swieq ġodda u li permezz tagħhom Malta tkun tista’ tesporta l-enerġija. Il-pjan tal-Gvern, qal Muscat, hu li l-Enemalta tkun mutur tal-ekonomija u mhux mażżra. Hu saħaq li l-Enemalta se tkun mudell ta’ kif titmexxa Korporazzjoni.
//= $special ?>

