Meta l-Labour tela’ fil-gvern ftit aktar minn sena ilu, rebaħ b’serje ta’ frażijiet li kien fihom ħafna kliem sabiħ. Waħda minnhom kienet: ’tista’ ma tabqilx magħna, imma tista’ taħdem magħna’. L-idea li l-Labour kien se joħloq ix-xogħol u mhux il-qgħad, u li jikkopera miegħek flok jaħseb għal tal-qalba biss. Sal-paroli, kollox sew, u sabiħ ħafna. Imma f’dis-sena, x’ġara?
Żieda fil-qgħad kemm ilu li tela’ l-Labour
L-ewwel nett, qgħad. Issa għandna ċ-ċifri tal-qgħad għall-ewwel sena tal-Labour fil-gvern u dawn juru żieda ta’ 500 fin-nies jirreġistraw u żieda saħansitra akbar f’dawk li qed ifittxu x-xogħol imma li għal xi raġuni, ma jmorrux jirreġistraw – aktarx għax ikunu żgħażagħ li qatt ma ħallsu bolla qabel u allura ma jiħdux benefiċċju tal-qgħad.
Il-qgħad f’Malta jiżdied kontra x-xejra fl-Ewropa
Din iż-żieda fil-qgħad kienet kontra x-xejra fl-Ewropa – għax fl-Ewropa l-qgħad nieżel imma f’Malta tiela’. U din iż-żieda fil-qgħad seħħet ukoll minkejja ż-żieda fin-nies li l-Labour daħħal mal-gvern. U dan hu element importanti ħafna.
Il-Labour f’sena daħħal aktar minn 2,000 ruħ ġodda mal-gvern
Għax issa għandna ċ-ċifri anke dwar in-nies li hemm jaħdmu mal-gvern. U meta tara kemm nies żdiedu mal-gvern f’dis-sena u kemm jirtiraw kull sena, tista’ faċilment taħdem iċ-ċifra u ssib li dal-gvern f’sena daħħal aktar minn elfejn ruħ mal-gvern.
Għal tal-qalba xogħol hawn, u xogħol mal-gvern
U dawn min kienu, dawn l-elfejn ruħ ġodda mal-gvern? Malajr tinduna li bir-rekord ta’ ministeri, bid-deputati u l-kandidati u l-uffiċjali tal-Labour imexxu l-korpi parastatali, b’tal-qalba jakkwistaw l-impjiegi mal-gvern, bil-qraba tal-qraba jiddaħħlu mal-gvern, għal tal-qalba xogħol hawn, u xogħol mal-gvern.
Għall-bqija, qgħad, inkella pagi u kundizzjonijiet taċ-Ċina
U għal tal-qalba żgur, għax dan hu l-mod kif qed jaħdem il-Labour anke fil-mediċini. Imma għall-bqija, qgħad, li issa żdied għal 8,000, inkella jkollhom jaċċettaw il-pagi u l-kundizzjonijiet taċ-Ċina bħalma ġara fl-EneMalta b’eżempju ħażin għal kulħadd.
Garanzija għal 350 żagħżugħ ġewwa, imma 5,500 żagħżugħ barra
Hekk għamel ukoll il-Labour fil-garanzija li qal li kien se jagħti liż-żgħażagħ, imma li taha biss lil 350 mill-5,800 żagħżugħ u żagħżugħa li l-gvern stess jammetti li qed ifittxu x-xogħol; 350 ġewwa, imma 5,500 barra.
Mal-Labour ma tistax taħdem, lanqas jekk tkun taqbel miegħu
U fost dawn il-5,500 żagħżugħ barra, fost it-8,000 jirreġistraw, fost il-ħaddiema li qed ikollhom jaċċettaw il-pagi u l-kundizzjonijiet baxxi, hemm żgur ukoll ħafna Laburisti ġenwini. Li jaqleb ta’ taħt fuq dak li l-Labour kien qal qabel l-elezzjoni. Għax issa, ma tistax taħdem mal-Labour, lanqas jekk tkun taqbel miegħu, aħseb u ara ‘k ma tkunx…