Lokali

Ħaddiema trattati b’mod differenti mill-oħrajn

Il-Gvern Laburista mhux qed jimxi b’ mod ekwu mal-loaders li jaħdmu fuq bażi part-time mal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.

Filwaqt li 60 mill-91 loader ingħataw il-kuntratt tas-soltu ta’ sitt xhur, 31 ohra fl-aħħar jiem iġġeddidilhom il-kuntratt għal xahar wieħed biss.

Sitwazzjoni li qajjmet ferment fost il-ħaddiema li ma jistgħux jifhmu għaliex dawn ħaddiema partikolari minn fosthom qed jiġu trattati b’mod differenti mill-oħrajn.

Dan, iktar u iktar meta qed joqrob is-sajf meta biż-żieda fit-titjiriet, il-volum tax-xogħol jiżdied b’mod konsiderevoli.

Dan l-istazzjon hu nfurmat li fl-aħħar jiem il-loaders ippruvaw jiltaqgħu mal-Ministru responsabbli mill-Air Malta Edward Zammit Lewis iżda sorsi qalulna li sabu il-bibien magħluqa u ħadd ma ltaqa’ magħhom.

B’riżultat ta’ dan, numru minn dawn il-ħaddiema ippruvaw javviċinaw lill-PM Joseph Muscat direttament meta marru apposta waqt attivita’ tal-kampanja tal-Partit Laburista f’Ħal Tarxien.

Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, filwaqt li Zammit Lewis aktar kmieni ma ltaqax magħhom, il-ħaddiema kienu interċettati minn kelliem fil-Ministeru tiegħu li stedinhom għal laqgħa fil-Ministeru iktar tard dakinhar stess, filgħaxija.

Il-Laqgħa fil-fatt saret iżda mhux magħruf x’kien l-eżitu tagħha.

Ħaddiema li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li d-diskriminazzjoni qed tkun waħda li qed tolqot ukoll ħaddiema Laburisti, b’ħafna jallegaw li mill-bidla fit-tmexxija tal-Ministeru responsabbli mill-Air Malta, ċerti ħaddiema qed ikunu akkomodati qabel oħrajn.

Edward Zammit Lewis inħatar Ministru tat-Turizmu fir-reshuffle tal-aħħar ta’ Marzu li għadda minflok Karmenu Vella, li ġie nominat mill-Gvern bħala l-Kummissarju Ewropew minn Malta.