F’sena, Gvern Laburista wera li m’għandux direzzjoni ċara għall-ekonomija u mhux kapaċi jindirizza l-problema tal-qgħad dejjem jiżdied. Dan qalu l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru tax-Xogħol u t-Taħrig tal-ETC fil-Belt.
Stefano Mallia qal li bħalissa hawn madwar 8,000 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol, filwaqt li fakkar li minn fost l-impjiegi li nħolqu taħt Gvern Laburista kien hemm 30% li kienu mas-settur pubbliku. Hu sostna li dawn jitħallsu mit-taxxi tal-poplu Malti u għalhekk il-Gvern għandu jimmira li joħloq impjiegi mas-settur Privat u mhux maċ-Ċivil.
Stefano Mallia qal li l-Garanzija taż-Żgħażagħ kif proposta mill-Gvern tqajjem bosta mistoqsijiet, fosthom fuq kemm qed jiggarantixxi b’mod konkret xogħol għaż-żgħażagħ, fuq kif se jintagħżlu ż-żgħażagħ li għandhom igawdu minnha, fuq jekk din hix parti minn strateġija ħolistika u fuq jekk ġietx diskussa u maqbula mal-imsieħba soċjali.
Il-kandidat tal-PN appella lill-Gvern biex jirrikonoxxi li f’pajjiżna hawn problema ta’ qgħad, biex jieħu azzjonijiet konkreti li joħoloqu x-xogħol u biex fil-pjani ekonomiċi jinvolvi lill-imsieħba soċjali.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Matthew Agius, li qal l-Gvern m’għandux pjan ċar għall-ħolqien tax-xogħol li jiggwida u jaspira liż-żgħażagħ lejn karrieri f’niċeċ ġodda tal-ekonomija Maltija. Hu tkellem dwar ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li żdiedet taħt Gvern Laburista.
Sostna li filwaqt li żdied l-ammont ta’ żgħażagħ bla xogħol, il-Gvern sab xogħol lil persuni tal-qalba li huma viċin il-Partit Laburista.
//= $special ?>