Il-Kunsill Lokali tal-Iklin se jorganizza t-tieni edizzjoni ta’ Festa Fjuri, bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali u tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). L-attività se ssir il-Ħadd li ġej fi Triq Ġeronimo Abos bejn l-10am u s-6pm.
Il-Kunsill Lokali tal-Iklin welled din l-idea mill-isem tal-lokalità nfisha (l-Iklin hu Rosemary). Din ix-xitla, jew aħjar ħaxixa aromatika, f’Malta tikber faċilment u nsibuha f’diversi nħawi, inkluż fl-Iklin. Ix-xitla għandha l-benefiċċji tagħha għax għandha użu mal-ikel u x-xorb, apparti li minn din ix-xitla jsiru wkoll essential oils.
Festa Fjuri se tkun immirata għall-familja kollha u r-residenti tal-lokal flimkien mal-istabbilimenti lokali qed jiġu mistiedna biex ikunu stakeholders prinċipali tal-attività. Fil-fatt, il-Kunsill Lokali kiseb l-awtorizazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kummerċ biex il-ħwienet kollha tal-Iklin jiftħu n-negozji tagħhom ħalli tinħoloq attività kummerċjali u jkun attirat il-pubbliku inġenerali.
L-attività se tinkludi diskussjonijiet pubbliċi dwar suġġetti varji relatati man-natura: gardening, repotting, herbalism for self healing u suġġetti oħrajn ta’ nteress minn kelliema kompetenti fost oħrajn dwar il-bio-diversità, l-arti tal-Bonsaj. Ser jipparteċipaw ukoll l-għaqdiet tal-lokal, li b’mod volontarju se jkunu qed itellgħu stands tal-fjuri bil-kollaborazzjoni ta’ entitajiet kummerċjali li qed jappoġġjaw din l-attività.
Fost oħrajn, se jipparteċipaw ukoll Nature Trust Malta, Bonsai Culture Group Malta, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard u WasteServ Malta Ltd, li se jorganizzaw attivitajiet relatati mat-tema. Se jkun hemm ukoll rokna għall-kreattività, bit-tema “Arti tal-Fjuri”, li fiha numru ta’ voluntiera residenti l-Iklin se jkunu qed joffru mill-ħin tagħhom ħalli jgħinu lit-tfal joħolqu arti kreattiva.
Min jattendi jkun jista’ jżur ukoll stands armati b’ikel u xorb li jinkludu riċetti nteressanti minn kċina rinomata u li se joffru rosemary focaccia with grilled vegetables, goat’s cheese, rocket & olive oil, rosemary scented lemon curd & cream cheese sandwich cookies, kif ukoll rosemary/strawberry drinks, yoghurt u lemon & rosemary cake. Se jkun hemm ukoll stands oħrajn armati b’ikel tradizzjonali.
Biex Festa Fjuri tkun waħda divertenti għall-familja kollha, l-attività se tinkludi wkoll attrazzjonijiet għat-tfal. Fost oħrajn, se jieħdu sehem l-iScout Group tal-Iklin, il-Lija/Iklin Football Youth Nursery, il-Parroċċa Familja Mqaddsa u Hospice Movement. Il-Banda San Pio X ta’ Ħal Lija se tkun mistiedna tferraħ il-pubbliku bil-marċi brijużi matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu. Hemm attrazzjonijiet oħra għat-tfal bħal Malta Fun Train, Bouncy Castle, u story telling, fost l-oħrajn.
Fl-4pm se tiġi organizzata għana varjata u preċiżament wara jkun hemm serata ta’ kant u żfin minn talent lokali, bħal Josuel Grech, Desirea Cunningham, Nicole Casha, Adonelle Dancers, Bernice Sujak u Tony Lawrence DanceSport Centre. Is-serata tagħlaq għall-ħabta tas-6pm bil-kantanta Gaia Cauchi, li għamlet isem lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest.
//= $special ?>