Għal raġuni mhux magħrufa, il-Partit Laburista għażel li jbiddel il-kunjom Buhagiar għal Bartolo tal-familja li l-Prim Ministru ħa l-media miegħu biex iżurha t-Tlieta li għadda fl-Isla. Din il-familja tiġi minnu, kif kien kostrett jammetti Muscat stess mal-ġurnalisti, għalkemm oriġinarjament il-fatt li tiġi minnu nżamm moħbi.
Mistoqsi mill-ġurnalisti lbieraħ, Muscat qal li l-fatt li tbiddel il-kunjom ta’ din il-familja minn Buhagiar għal Bartolo kien “żball ġenwin”. Iżda filwaqt li għal Muscat, dan kien “żball ġenwin”, jidher li għal David Buhagiar, il-missier tal-familja li żar Muscat fl-Isla, dan ma kien żball xejn. Buhagiar saħansitra rreaġixxa fuq Facebook biex jikkonferma li kunjomu Buhagiar u mhux Bartolo.
Fil-fatt, dak li ġie deskritt bħala “żball ġenwin” minn Muscat, wassal biex ħbieb ta’ David Buhagiar ikkummentawlu fuq Facebook. Huma spiċċaw imħassbin u mgerfxin dwar il-fatt li l-media qalet, kif ingħad lilha mill-Partit Laburista, li l-familja kien kunjomha Bartolo u mhux Buhagiar. Min-naħa tiegħu, il-missier tella’ status, li fih għamilha ċara li l-familja tiegħu kunjomha Buhagiar u mhux Bartolo (ritratt isfel).
Din iż-żjara li Muscat għamel fl-Isla qajmet kontroversja sħiħa. Filwaqt li l-ewwel irriżulta li l-familja tiġi minn Muscat stess, aktar tard sar magħruf ukoll li l-Partit Laburista għażel li jibdel il-kunjom tal-istess familja.
//= $special ?>