Lokali

Il-PN isellem lil Gordon Cardona

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, esprima s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Gordon Cardona, persuna b’diżabbiltà fiżika li għal snin twal ħadem favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom.

Il-PN qal li Gordon dejjem tkellem dwar il-ħtieġa li persuni b’diżabbiltà jkollhom opportunitajiet indaqs u li jiġi żgurat li jkollhom l-ogħla kwalità ta’ ħajja. Dan ir-rwol, issostni l-istqarrija, Gordon għamlu permezz ta’ ħidma mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD).

Il-PN qal li Gordon uża l-intelliġenza tiegħu biex permezz ta’ riċerka u kitba regolari fil-media jgħin b’mod konkret ħalli pajjiżna jħares dejjem aktar l-abbiltà tal-persuna u jħares lejn dan il-qasam bħala wieħed ta’ drittijiet u mhux ta’ karità.

Il-PN sellem lil dan l-attivist u ta l-kondoljanzi lill-familja Cardona.