Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Prim Ministru ammetta li mhux jinħolqu impjiegi biżżejjed

Xahar ‘il bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat jappella lil-Laburisti biex johħorgu jivvutaw u jagħtu rebħa lill-Parit Laburista ghħaliex skont hu, il-PN ma jistħoqqlu l-ebda pjaċir mill-elettorat fuq dak li wettaq fl-aħħar 25 sena.

Dan l-appell il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat għamlu waqt attivita Laburista fiż-Zejtun li fiha hu ddeskrieva wkoll lill-gvern tiegħu bhala gvern ġenwin li jżomm kelmtu.

Joseph Muscat qal li l-gvern se jibgħat ittra lil kull familja biex jispjegalhom b’kemm roħos il-kont tad-dawl u ddikjara li l-gvern m’għandux diffikulta li jingħata aċċess għal dokumenti indipendenti tal-Enemalta li skont hu juru li t-tariffi kienu se jgħolew.

Dwar ix-xogħol, il-Prim Ministru ammetta li mhux jinħolqu impjiegi biżżejjed iżda bħala difiża għal dan, il-Prim Ministru qal li xorta nħolqu iktar impjiegi milli nħolqu fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista.

Ix-xogħol kien trattat ukoll f’intervent mill-ekonomista Laburist Alfred Mifsud li qal ż-żieda fin-numru ta’ persuni jirregistraw għax-xogħol kienet għaliex issa hawn iktar persuni li għandhom fiduċja li jistgħu isibu x-xogħol u allura qed imorru jirreġistraw. Ghħal Alfred Mifsud, dan hu sinjal pożittiv tal-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru ġġustifika iż-żieda ta’ 373 miljun ewro fid-dejn tal-gvern billi qal li 300 miljun ewro minnhom saru minn Gvern Nazzjonalista bejn Jannar u Marzu waqt li t-73 miljun ewro l-oħra saru minn gvern Laburista.