Minbarra li l-familja li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat żar fl-Isla fil-bidu tal-ġimgħa hi qariba tiegħu, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li r-raġel tal-familja hu Pulizija. Jirriżulta li l-Pulizija li laqa’ lil Muscat fid-dar tiegħu fl-Isla f’attività tal-kampanja elettorali Laburista msejħa ftit sigħat qabel hu PC1343 u, skont is-sorsi tagħna, hu x-xufier tal-Assistent Kummissarju Carmelo Magri, li hu responsabbli mill-amministrazzjoni fil-Korp.
Magri hu wieħed mis-seba’ Assistenti Kummissarji ġodda li ngħataw il-promozzjoni mill-Gvern Laburista fi Frar li għadda. MaltaRightNow.com bagħat mistoqsija lill-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit u talbu jikkonferma li Uffiċjali tal-Pulizija ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet politiċi. S’issa, iżda, ma rċevejna l-ebda risposta min-naħa tal-Pulizija.
Il-fatt li l-kap ta’ din il-familja li tiġi mill-Prim Ministru hu Pulizija, kif ukoll il-fatt li ħa sehem f’attività politika tal-Partit Laburista, tista’ tkun raġuni oħra għaliex Muscat u l-Partit Laburista ppruvaw jostru l-identità ta’ din il-familja u biddlu l-kunjom minn Buhagiar għal Bartolo.
Sadanittant, jirriżultalna wkoll li minbarra li l-familja tal-Pulizija li żar il-Prim Ministru tiġi minn Muscat, iz-ziju tal-mara ta’ dan il-Pulizija, Diane Buhagiar, kien xufier ta’ Joe Mizzi meta kien Ministru bla Portafoll fil-Gvern ta’ Alfred Sant bejn l-1996 u l-1998.
//= $special ?>