Skont ċifri ppubblikati lbieraħ mill-Eurostat, id-dejn ta’ pajjiżna żdied bi kważi €400 miljun fl-2013, żieda ta’ 8% fuq dak li kien hemm fl-2012.
Joseph Muscat baqa’ ma tefa’ ebda dawl fuq id-diskrepanzi li ġibed l-attenzjoni dwarhom il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri l-fatt li minkejja li d-defiċit kien ta’ €203 miljun, id-dejn żdied b’€373 miljun. Meta wieħed iħares lejn il-Fond Konsolidat u jnaqqas investimenti li saru mill-Gvern, b’total ta’ madwar €20 miljun, id-differenza tibqa’ ta’ madwar €150 miljun.
Minflok jagħti raġunijiet ċari għal dawn id-diskrepanzi, l-istqarrija li ħareġ il-Gvern Laburista aktar kmieni llum tipprova tkompli tħawwad lill-poplu bi spjega li ma titwemminx. Kieku kien veru li fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena d-dejn żdied bi €300 miljun kieku dan ried jiżdied mad-defiċit kollu u mhux il-Gvern jiddikjara li għalaq b’defiċit ta’ €200 miljun.
Wara li ftaħar b’kemm kien kapaċi jniżżel id-defiċit, issa li l-Oppożizzjoni qiegħda titlob spjegazzjoni leġittima ivvinta storja li l-Partit Nazzjonalista għamel defiċit ta’ €300 miljun fi tlett xhur. Dan tant mhuwiex minnu li Gvern Laburista qatt ma kien qal din il-ħrafa qabel illum, minkejja li kellu żewġ Baġits li fihom seta’ jqajjem dan il-punt. Hu ċar li l-Prim Ministru Muscat qed jipprova jqarraq lejliet elezzjoni bħala diversiv u biex jevita li jagħti spjegazzjoni xierqa.
Il-Gvern għandu obbligu li jagħti spjegazzjoni sempliċi għaliex qiegħed jgħid li d-defiċit żdied biss bi €203 miljun imma d-dejn żdied bi €372 miljun.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk din id-diskrepanza tinkludix id-dejn akkumulat mill-ftehim li sar mal-kumpanija Arriva; jew ħlasijiet mhux imwettqa mill-Korporazzjoni Enemalta lill-Gvern sabiex b’hekk tidher finanzjarjament b’saħħitha.
Fid-dawl ta’ dawn id-dubji, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ikun aktar trasparenti, u biex ma jkomplix jinħeba wara features orkestrati biex jevita l-iskrutinju tal-media.
//= $special ?>