Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ressqet Protest Ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data biex jipprevjenu dak li kien deskritt mill-FKNK bhala “reati kkontemplati” mill-ambjentalista Ingliż Chris Packham.
Fil-Protest, l-FKNK qalet li biex jiffilmja kaċċaturi jisparaw fuq l-għasafar, Packham jista’ jidħol bi vjolazzjoni fuq propjetà privata ta’ kaċċaturi membri tagħha mingħajr permess. Il-fatt li Packham se jpoġġi dawn il-filmati fuq YouTube, tkompli l-FKNK, jikkostitwixxi proċessar ta’ data personali li tappartjeni għal kaċċaturi. Dan kollu, issostni l-FKNK, jista’ jkun ksur tad-drittijiet tal-membri tagħha.
Qed jingħad ukoll li Chris Packham jista’ jtajjar drone armat b’video camera biex jiffilmja lill-kaċċaturi, u dan bi vjolazzjoni tal-Air Navigation Order. L-FKNK qalet ukoll li Packham għandu l-ħsieb li jsegwi diversi kaċċaturi u din l-imġieba tammonta għal fastidju.
Il-Protest itemm li, b’ammissjoni tiegħu stess, Packham qed jgħid li l-Kaċċa fir-Rebbiegħa hi legali u għaldaqstant m’għandux dritt jikser il-Liġijiet u jipprova jpoġġi lil Malta u lill-Maltin f’dell ikrah.
//= $special ?>

