Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) qalet fi stqarrija li ma tistax taċċetta aġir “anti-demokratiku” mill-Gvern fil-konfront tagħha u lesta tieħu l-passi meħtieġa biex issir ġustizzja magħha. L-MUMN qalet dan minhabba li fil-25 ta’ Marzu kitbet lis-Segretarju Permanenti Prinċipali tal-Gvern u talbitu jirrikonoxxiha bħala l-union bl-għarfien ewlieni għall-grad tas-social workers li jaħdmu fis-servizz pubbliku, inkluż dawk li jaħdmu fl-Isptar Karen Grech.
Talbet ukoll biex jiġi sospiż proċess ta’ diskussjonijiet li qed isir ma’ union oħra, hekk kif qed tisħaq li hi għandha l-maġġoranza tas-social workers bħala membri tagħha. Iżda minkejja din il-korrispondenza, il-Gvern baqa’ għaddej bid-diskussjonijiet mal-union l-oħra li qed tirrappreżenta l-minoranza u mhux il-maġġoranza ta’ dawn il-professjonisti. Dwar din is-sitwazzjoni qed jilmentaw ukoll is-social workers infushom.
L-MUMN qalet ukoll li minkejja li ġimgħa ilu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru wegħedha li l-materja se tiġi diskussa, dan ma seħħx u ngħalaq il-bieb f’wiċċha. L-MUMN saħqet li mhux se taċċetta din is-sitwazzjoni u nsistiet li se żżomm id-dritt li fi żmien qrib titlob lill-Gvern jerġa’ jiftaħ id-dikussjonijiet għal dawn il-professjonisti fuq il-punti li ma jkunux aċċettabbli għas-social workers.
Ħabbret ukoll li se ssejjaħ laqgħa urġenti għall-membri tagħha dwar din il-materja u sostniet li għadha disposta li tiltaqa’ mal-Gvern biex tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu.
//= $special ?>