Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: L-Oppożizzjoni tibqa’ tisħaq il-bżonn ta’ politika li toħloq ix-xogħol u tnaqqas il-qgħad

Ix-xogħol u ż-żieda fil-qgħad fl-aħħar sena kienu t-temi ewlenin tal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-bidu ta’ laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Il-laqgħa, li saret dalgħodu fid-Dar Ċentrali, fetħet ir-raba’ jum tal-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, bil-Kap tal-PN ikun akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Chris Said u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Casa, Therese Comodini Cachia, Helga Ellul u Norman Vella.

Simon Busuttil qal li fl-aħħar sena, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista saħqet diversi drabi fuq il-bżonn ta’ politika li toħloq l-impjiegi u tnaqqas il-qgħad. Hu fakkar li taħt Gvern Laburista, il-qgħad żdied xahar wara l-ieħor. Simon Busuttil qal li filwaqt li hu tajjeb li jiddaħħlu miżuri li jattiraw aktar persuni, b’mod partikolari nisa lejn id-dinja tax-xogħol, hu mportanti li dawn il-persuni jsibu impjieg fejn jaħdmu. Hu ta eżempji tas-setturi li l-aktar qed jiġu affetwati miż-żieda fil-qgħad.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-Garazija għaż-Żgħażagħ u qal li din hi idea Ewropea li l-PN jaqbel magħha. Madankollu, hu għamel mistoqsijiet dwar kif il-Gvern qed jimplimenta din il-wegħda. Fl-aħħar jiem, il-Gvern ħabbar li se jagħti l-privat lil madwar 2,000 student u, filwaqt li sostna li din hi miżura tajba, staqsa jekk dan hux biżżejjed biex iż-żgħażagħ ikollhom garanzija ta’ xogħol. Simon Busuttil irrefera wkoll għall-istatistika li ħareġ il-Gvern dwar l-iżbilanċ u d-dejn. Qal li filwaqt li l-Gvern qal li l-iżbilanċ għas-sena li għaddiet kien ta’ €200 miljun (taħt it-3%), l-istess ċifri juru li d-dejn żdied b’ħafna aktar, jiġifieri bi kważi €400 miljun.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-imsieħba soċjali biex janalizzaw din is-sitwazzjoni fejn hemm diskrepanza bejn l-iżbilanċ u d-dejn ta’ madwar €170 miljun. Qal ukoll li dwar din l-istatistika ma saret l-ebda konferenza tal-aħbarijiet u allura ħadd ma seta’ jgħamillu mistoqsijiet dwar dawn iċ-ċifri.