Lokali Qorti

“Liġijiet mill-amministrazzjoni l-ġdida biex jakkomodaw lil ċertu nies” – l-avukat Joseph Giglio

“Issa qed nifhem l-amministrazzjoni l-ġdida fejn il-Liġijiet qed isiru biex jakkomodaw lil ċertu nies. Kif ġara fil-każ tal-iSmart Meters, issa qed jiġri f’dan il-każ. Allaħares il-Qorti ma tibqax it-tarka taċ-ċittadin u ssir it-tarka tal-amministrazzjoni”.

Din id-dikjarazzjoni iebsa għamilha fil-Qorti l-avukat Joseph Giglio, meta quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona kompliet il-kumpilazzjoni ta’ George Galea ta’ 41 sena minn San Ġiljan u Jason Galea ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri magħruf bħala L-Imnieħru u ibnu Mario Jr fis-17 ta’ Lulju li għadda. Il-missier u l-iben kienu nstabu mejtin f’għalqa fil-Qajjenza, limiti ta’ Birżebbuġa.

L-avukat Giglio qal dan wara li, fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Chris Pullicino qal li Alfredo Attard, is-sid tar-razzett u l-persuna li allegatament difnet lill-vittma, tpoġġa taħt Witness Protection Programme. L-Ispettur Pullicino qal li Attard qed ibati minn marda terminali u għalhekk, wara emenda li saret f’Marzu, permezz ta’ dan il-programm Attard jista’ jixhed b’mod liberu mingħajr il-biża’ ta’ prosekuzzjoni.

Wara din ix-xhieda, l-avukat Gianella De Marco qalet li din hi forma ta’ maħfra u li b’din l-emenda issa Attard mhux se jiġi akkużat fuq dan il-każ. Hi staqsiet lill-Ispettur Pullicino jekk il-Prosekuzzjoni kinitx qed taħseb li tressaq lil Attard, bl-Ispettur iwieġeb li iva u li Attard kien se jiġi mixli li offra servizzi ta’ dfin mingħajr permess filwaqt li ħeba l-katavri. Min-naħa tiegħu, l-avukat Joseph Giglio wkoll irrimarka li l-artikoli fil-Liġi daħlu fis-seħħ f’Marzu u staqsa jekk kienux intenzjonati biex jakkomodaw lil Attard u jekk dan ifissirx maħfra.

L-avukat Giglio saħaq li kien għalhekk li l-Prosekuzzjoni damet “tilgħab” 13-il xahar biex tara jekk għandhiex ittella’ lil Attard jew le, sakemm imbagħad “wasalna fejn wasalna”. Hu sostna li llum ninsabu f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet taċ-ċittadini qed jittiefsu biex jakkomodaw l-interessi ta’ ħaddieħor, fosthom l-Avukat Ġenerali u l-Prosekuzzjoni. L-avukat Giglio kompla li għal dawn l-aħħar 13-il xahar, id-Difiża kienet qed tiġi nfurmata li Attard ma jistax jittella’ jixhed minħabba l-marda tiegħu, iżda sadanittant il-Liġi kienet qed tiġi emendata. Barra l-awla, kien hemm preżenti l-istess Alfredo Attard, li issa mistenni jixhed fis-seduta li jmiss tat-Tlieta li ġej.

F’waqt minnhom waqt il-battibekk bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni, l-akkużat Jason Galea beda jilmenta jekk din kinitx maħfra u spiċċa tkeċċa mill-awla għall-mod kif kien qed iġib ruħu. Hu u għaddej minn ħdejn l-Ispettur Pullicino, Galea għadda wkoll xi kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-Ispettur u dan wassal biex l-Ispettur Pullicino jitlob li jittieħdu passi fil-konfront tiegħu. Kien hawn li l-avukat Giglio staqsa jekk hux se jittieħdu passi wkoll wara li xi ħadd mhux magħruf tefa’ żebgħa mal-faċċata tar-residenza privata tal-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Chris Pullicino, Louise Calleja, Michael Mallia u Fabian Fleri. Għal Jason Galea qed jidher l-avukat Joseph Giglio, filwaqt li għal George Galea qed jidhru l-avukati Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran. L-avukat Joe Brincat qed jidher għan-nom tal-familja tal-vittmi Camilleri.