Il-President tal-UEFA Michel Platini qal li l-ebda klabb m’hu se jkun sospiż miċ-Champions League, anke jekk dawn ikunu kisru r-regoli tal-Financial Fair Play (FFP). Matul l-aħħar xhur kien hemm spekulazzjonijiet li timijiet bħal ma huma Manchester City u PSG mhux se jitħallew jikkompetu fiċ-Champions League imma skond Platini dan mhux se jseħħ.
“L-ewwel deċiżjonijiet se jitħabbru f’Mejju u se jkun hemm pieni ħorox imma li hu żgur hu li mhux se jkun hemm timijiet li jiġu esklużi mill-kompetizzjonijiet. Mhux se nitkellem fuq l-ebda klabb għax għadna qed nagħmlu r-riċerki tagħna,” qal Platini.
Keane ma’ Van Gaal
Skond rapporti fil-ġurnali Ingliżi jekk Louis van Gaal ikun maħtur bħala kowċ ta’ Man utd dan qed jikkunsidra li jagħżel lill-eks captain tar-Red Devils Roy Keane biex ikun l-assistent tiegħu. Matul il-ġimgħa Man Utd keċċew lil David Moyes u l-player Ryan Giggs inħatar fuq bażi temporanja.
Bħalissa Keane hu assistent manager tal-kowċ nazzjonali tal-Irlanda Martin O’Neill u fil-passat mexxa anke lil Sunderland


