Lokali

Stqarrijiet ta’ kundanna għal kummenti ta’ Tony Zarb fil-konfront tal-avukat Pawlu Lia

Il-Kamra tal-Avukati u l-Union tal-Ħaddiema tal-Banek (MUBE) fi stqarrijiet separati kkundannaw kummenti li għadda s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb fil-konfront tal-avukat Pawlu Lia. Zarb kellu kummenti iebsa fil-konfront ta’ Lia, li qed jirrappreżenta lill-MUBE fil-każ relatat mal-għarfien trejdunjonistiku fil-Bank of Valletta, meta qal li dan daqqa jkun fuq naha u daqqa jkun fuq oħra u jrid jiddeċiedi lil min se jiddefendi. L-avukat Lia hu wkoll l-avukat tal-Partit Laburista.

Fl-istqarrija tagħha, il-Kamra tal-Avukati kkundannat bla riżerva lil Tony Zarb u qalet li mhux aċċettabbli li avukat li jkun qed jaqdi dmirijietu jiġi attakkat personalment. Il-Kamra ddeskriviet il-kummenti ta’ Zarb bħala tentattiv biex l-avukat Lia jiġi mfixkel fil-qadi ta’ dmirijietu. Min-naħa tagħha, l-MUBE qalet li hi xxokkjata li trejdunion stabbilita bħall-GWU tħoss li għandha tiddetta lil avukat dwar liema klijenti għandu jirrappreżenta.

Filwaqt li ddeskriviet dan l-aġir bħala mhux professjonali, l-MUBE ċaħdet rapporti fil-media li jgħidu li bdiet proċeduri kontra l-GWU.