Wara li fil-lejl tal-aħħar tas-sena kienu fdati bl-ispettaklu ta’ projezzjonijiet 3D fuq il-bini tal-Palazz tal-President fil-countdown għall-2014, issa l-istudenti tal-MCAST reġgħu ġew fdati bi proġett ieħor waqt ċelebrazzjoni nazzjonali. Dan hekk kif waqt iċ-ċelebrazzjonijiet li se jfakkru l-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fil-lejl tat-30 ta’ April fil-Port il-Kbir, l-istudenti tal-MCAST se jkunu qed jippreżentaw projezzjoni ta’ 20 minuta fuq is-swar fil-Port.
Din il-projezzjoni se tkun segwita minn spettaklu tal-logħob tan-nar f’12am u turi tifla ta’ 10 snin li tirrappreżenta l-vjaġġ ta’ Malta fl-UE matul l-aħħar 10 snin. L-istudenti li ġew fdati biex itellgħu din il-projezzjoni mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali se jiggradwaw wara li jtemmu l-istudji tagħhom fil-media u d-disinn grafiku fl-MCAST.
Fl-aħħar sigħat huma ltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u ppreżentawlu silta qasira mill-projezzjoni. Matul l-istess laqgħa, iċ-Chairman tal-MCAST qal li din iċ-ċelebrazzjoni se tkun vetrina tat-talenti u l-potenzjal tal-istudenti tal-Kulleġġ.
//= $special ?>