Futbol Sport

Wasal il-mument tal-prova għal B’Kara u Valletta

Wara staġun li matulu ħdimna għal dan il-mument, issa wasal il-ħin tal-prova fejn nuru li verament jixirqilna niġu ppremjati għall-ħidma tagħna. Kien dan il-messaġġ ewlieni ta’ Paul Zammit u Andre Paus, il-kowċis rispettivi ta’ Birkirkara u Valletta f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-MFA jumejn qabel iż-żewġ timijiet jaffaċċjaw lil xulxin fil-logħba deċiżiva tas-Sibt li ġej.

Il-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit qal li t-tim tiegħu beda l-kampjonat b’mentalita’ li jrid jikkompeti għat-titlu u issa li wasal s’hawn, il-mentalita’ se tibqa’ l-istess.

Paul Zammit qal li matul l-istaġun it-tim wera’ konsistenza u rendiment qawwi u għalhekk jemmen li dan se jgħin lit-tim fil-logħba tas-Sibt.
“Matul l-istaġun, grazzi għall-plejers tiegħi, it-tim stabilixxa ċertu livell ta’ logħob u għalhekk is-Sibt se nilgħabu l-logħba tagħna,” saħaq il-kowċ ta’ Birkirkara.

Mistoqsi jekk it-tim hux se jkollu pressjoni iktar mill-avversarju, Paul Zammit qal li bħala champions kulħadd kien qed jsitenna ħafna minn Birkirkara tul l-istaġun kollu u mhux issa biss. “Il-Kampjonat kien esperjenza li għallem ħafna lit-tim kollu. Għalhekk għal din il-loghba se jkollna l istess pressjoni daqs l-ewwel logħba tal-Kampjonat,” ikkonkluda Zammit.

‘Huma B’Kara li għandhom x’jitilfu’
Minn naħa tiegħu Paus, li jaf li t-tim tiegħu irid jirbaħ bilfors minħabba l-iżvantaġġ ta’ punti, għażel li jiddevja l-attenzjoni għal fuq Birkirkara u qal li wara dan l-istaġun, it-tim Karkariż se jkollu l-pressjoni fuqu.

“Aħna m’għandna l-ebda pressjoni minkejja li rridu nirbħu bilfors. Nafu li Birkirkara huma tim tajjeb imma aħna m’aħniex beżgħana minn din l-isfida għax nafu kif għandna naffaċċjawha. Irridu nirbħu bilfors imma aħna se nilgħabu l-logħba tagħna,” saħaq Paus filwaqt li semma’ kif matul dan l-aħħar xahar Valletta wrew logħob tajjeb ħafna.

Hu tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ din il-logħba għall-Kampjonat Malti u qal li meta tara li l-kompetizzjoni se tiġi deċiża fl-aħħar logħba din hi xi ħaġa importanti ħafna għal kull min hu involut.

Jakkumpanjaw liż-żewġ kowċis kien hemm ukoll il-captains rispettivi. Il-captain Karkariż Gareth Sciberras qal li mil-lenti ta’ plejer jemmen li x-xogħol li sar matul l-istaġun ma jintilifx “imma din il-logħba jiddetermina jekk bix-xogħol li għamilna jixirqilniex inkunu rebbieħa. Għandna saħħa tremenda bħala grupp, aħna grupp magħqud bejnietna u t-tim jinsab lest,” wissa’ Sciberras.

Sciberras kompla li għat-tim din se tkun logħba bħall-oħrajn għax sa mill-ewwel ġurnata l-għan tat-tim kien ir-rebħ tal-kampjonat.

Minn naħa tiegħu Ryan Fenech, captain ta’ Valletta, qal li sa mill-ewwel ġurnata tal-Kampjonat, Valletta kienu konxji li B’Kara huma qawwijja f’kull dipartiment, kemm fit-tim kif ukoll fis-settur tekniku.

“Madankollu aħna bqajna nemmnu anke jekk kien hemm min ħaseb li mhux se naslu s’hawn.” Ryan Fenech fakkar li għal Valletta rebħa biss tkun ta’ sodisfazzjon imma awgura li dik tas-Sibt tkun logħba li tpaxxi lill-partitarji.

Intant iż-żewġ kowċis ħabbru li se jkollhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tagħhom hekk kif l-ebda tim m’għandu plejers sospiżi jew imweġgħin.

L-MFA ħabbret li l-kowċ tat-tim rebbieħ, flimkien mal-captain u diriġent tal-klabb se jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-logħba tas-Sibt mill-Grawnd Nazzjonali stess.