Lokali

Aktar servizzi fil-qasam tal-ġustizzja

Il-gvern ħabbar iżjed servizzi fil-qasam tal-ġustizzja, din id-darba dawk marbutin mal-Qrati Ċivili.

Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ġustizzja qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern jemmen li r-riformi fil-gustizzja jridu jsiru permezz ta’ emendi leġislattivi u permezz ta’ servizzi żgħar li flimkien jagħmlu differenza kbira.

Il-Ministru Bonnici, li kien akkumpanjat mill-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono, ħabbar aktar servizzi fil-Qorti Ċivili, fosthom li każijiet differiti jkunu notifikati permezz ta’ SMS u li l-verbal tax-xhieda tintbagħat b’email.

Minbarra li twaqqaf uffiċċju tal-customer care, il-Ministru Bonnici żied li dalwaqt se jitnieda servizz ieħor fejn in-notifiki tal-marixxalli tal-qrati civili, se jkunu komunikati permezz ta’ email lill-prokuraturi legali jew lill-avukati taż-żewg partijiet.

Owen Bonnici fakkar ukoll kif il-kjuwijiet biex wieħed jidħol fil-Qorti naqsu. Hu kompla li wara dawn is-servizzi, il-gvern se jdur għal proċeduri kriminali li se jkunu mmodernizzati teknoloġikament.