Min se jkun imsiefer jew rikoverat fi sptar jista’ jivvota ġimgħa qabel
Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li persuni li s-Sibt, 24 ta’ Mejju se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar f’Jum il-Votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni bil-ġurament biex ikunu jistgħu jivvutaw ġimgħa qabel, jiġifieri s-Sibt, 17 ta’ Mejju, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.
Il-ġurament għandu jittieħed fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Belt sa mhux aktar tard minn 12pm tal-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju. Min imur jieħu dan il-ġurament għandu jieħu mieghu l-Karta tal-Identità.
Titjiriet bl-irħis għal min se jkun imsiefer f’Jum il-Votazzjoni
F’avviż separat, il-Kummissjoni Elettorali ħabbret ukoll li qed isiru l-arranġamenti tas-soltu biex il-Maltin li jinsabu barra mill-pajjiż ikunu jistgħu jiġu bi prezz ridott f’Malta biex jivvutaw. Il-Kummissjoni qalet li l-Air Malta se tipprovdi biljett bir-ritorn għal €35, inkluż it-taxxi u spejjeż oħra, għal dawk li huma eleġibbli jivvotaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. L-ivvjaġġar lejn Malta b’dan is-servizz hu possibbli bejn l-14 u l-24 ta’ Mejju, bir-ritorn bejn l-24 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju.
L-arranġament jgħodd għal persuni eleġibbli biex jivvutaw u jinkludu dawk miżżewġin lil barranin, li qed jistudjaw, jaħdmu jew li qed jirċievu xi trattament mediku barra minn Malta flimkien mad-dipendenti tagħhom. Id-direttiva tapplika għal dawk il-votanti li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali.
//= $special ?>