Fit-30 t’ April 2014, MaltaPost se toħroġ bolla li tfakkar l-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-bolla għandha valur ta’ €0.59 u turi l-bandiera ta’ Malta u l-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Fl-1 ta’ Mejju 2004, Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea. Malta bdiet taħdem sabiex tingħaqad fil-Komunita’ Ewropea mill-1967 meta l-Gvern ta’ Malta talab għal Ftehim t’ Assoċċjazzjoni mal-Komunita’ Ekonomika Ewropea (EEC). Din tkompliet fl-1970 meta Malta uffiċjalment iddikjarat l-intenzjoni tagħha biex tidħol fl-ECC u ffirmat Ftehim t’Assoċċjazzjoni.
Malta kienet uffiċċjalment aċċettata bħala pajjiż kandidat biex tingħaqad mal-Unjoni fl-1999 u f’April 2003 sar l-iffirmar tat-Trattat f’Ateni li daħħal lill-Malta fl-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea huma amministrati fi Brussell. Malta għandha rappreżentanti fil- Parlament Ewropew, fil-Kummissjoni u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-bolla kienet iddisinjata mill-MaltaPost u se tkun maħruġa f’folji t’għaxar bolli. Il-qies ta’ kull bolla huwa dak ta’ 44mm x 31mm b’perforazzjoni ta’ 13.9 x 14.0 (comb.) b’watermark tas-Salib ta’ Malta. Printex Ltd ipprintjat dawn il-bolli bil-metodu offset u l-ħarġa tikkonsisti fi 300,000 bolla.
Dan is-sett se jkun għall-bejgħ mill-Fergħat tal-MaltaPost f’Malta u Għawdex minn nhar l-Erbgħa 30 t’April 2014. Ordnijiet jistgħu jsiru online fuq www.maltaphilately.com jew bil-posta mill-Bureau Filateliku, MaltaPost p.l.c. 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001 -Telephone 2596 1740
– e-mail: info@maltaphilately.com