Editorjal

Editorjal: X’inhi u x’mhijiex il-ġustizzja soċjali

Tul iż-żminijiet, kien hawn ħafna filosfi li niżlu fil-fond tal-ħsieb dwar x’inhi l-ġustizzja soċjali. Tnejn kbar tal-aħħar ħamsin sena kienu John Rawls u Robert Nozick li daħlu f’dibattitu li juri kemm hu diffiċli tiddefenixxi sewwa x’inhu fair, x’inhu ġust.

Il-parabbola tal-flawt ta’ Amartya Sen
Ekonomista u filosfu ta’ żmienna, l-Indjan Amartya Sen, li rebaħ ukoll il-Premju Nobel għall-Ekonomija, fil-ktieb riċenti tiegħu ‘The Idea of Justice’ ried juri kemm hu diffiċli li jkollna idea perfetta ta’ x’inhu ġust, u juża parabolla dwar flawt.

Tlett itfal jiġġieldu fuq flawt, fil-fatt fuq ideat tal-ġustizzja
Immaġina ssib tlett itfal f’kamra bi flawt ħdejhom u qegħdin jiġġieldu min ħaqqu jieħdu dal-flawt u trid taqta’ inti min se jieħdu. L-ewwel waħda tgħidlek: ‘jien biss kapaċi ndoqqu l-flawt; jixraqli nieħdu jien.’ Fair hekk, il-flawt qiegħed biex jindaqq. Imma t-tieni tifla tgħidlek: ‘jiena fqira ħafna, m’għandi xejn biex nedha; ħaqqni nieħdu jien.’ Argument klassiku dwar il-faqar u l-ġustizzja soċjali. Iħajrek ixxaqleb lejh.

Mhux faċli taqta’ bejn argumenti tajbin dwar il-ġustizzja…
Sakemm taqbeż it-tielet tifla u tgħidlek: ‘dal-flawt għamiltu jien, se ċċaħħadhuli?’ U jħawduk lil min se ttih. Amartya Sen jikkonkludi li rridu nagħrfu kemm hu diffiċli naqtgħu x’inhu ġust u jrid ikollna idea ta’ ġustizzja prattika li tagħraf din id-diffikultà.

…imma nafu liema huma l-argumenti ħżiena dwar il-ġustizzja
L-argumenti tat-tlett itfal tal-parabbola ta’ Amartya Sen huma argumenti b’saħħithom it-tlieta. Imma kieku kien hemm aktar tfal li qalulek ‘għax niġi minnek jien taf, tih lili l-flawt’, jew ‘tihuli u nivvutalek fl-elezzjoni’, inkella ‘agħtih lili għax jien naf lit-tali’, malajr tagħraf li dawn mhumiex argumenti ta’ ġustizzja, anzi huma fil-bażi ta’ ħafna inġustizzji.

Malta Tagħna Lkoll u l-meritokrazija – wegħdi sbieħ…
Ħafna gvernijiet jitilgħu b’argumenti dwar il-ġustizzja soċjali. ‘Malta Tagħna Lkoll’ kien slogan fi-fatt dwar il-ġustizzja – li kollha għandu jkollna d-dritt nagħmlu argumenti tajbin u talbiet xierqa fuq ir-riżorsi tal-pajjiż u fuq il-gvern. Il-meritokrazija wkoll kienet argument ta’ ġustizzja dwar min jimmeritah jieħu xi ħaġa.

…imma l-qadi ‘l tal-qalba biss, saħansitra ‘l tal-familja, le
Imma dak li qed isir issa żgur ma jwettaqx dawn l-argumenti tajbin għall-ġustizzja. Il-qadi lil tal-qalba biss, saħansitra lil tal-familja, hu inġustizzja fih innifsu. Il-mod kif il-gvern Laburista daħħal mal-gvern mill-anqas elfejn ruħ tal-qalba u li f’ħafna każi jiġu minn politikanti Laburisti, anke kif qed iqassam il-mediċini neqsin, kif qed jagħti permessi, hu inġustizzja qawwija mal-bqija tan-nies, anke ma’ ħafna li vvutawlu.

Messaġġ lill-gvern biex jaqbad it-triq li wiegħed
Fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju, dan hu messaġġ li nistgħu nagħtu lill-gvern. Din l-elezzjoni mhix biex nibdlu l-gvern, imma nistgħu nagħtuh messaġġ biex jaqbad it-triq li wiegħed li jaqdi ‘l kull min ħaqqu, mhux lil tal-qalba biss u saħansitra ‘l tal-familja.