Ambjent Lokali

Ħames NGOs bi kritika ħarxa kontra l-aħħar żviluppi fil-qasam ambjentali

Ħames Għaqdiet Mhux Governattivi (NGOs) li jaħdmu favur il-ħarsien tal-ambjent ikkritikaw bl-aħrax l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-ambjent. Dan b’mod partikolari dwar il-policies il-ġodda tal-MEPA dwar żvilupp f’żoni barra l-iżvilupp (ODZ) u d-dokumenti mseja “For an Efficient Planning System” u “Towards High Standards for the Environment“.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta, l-NGOs Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers’ Association, Friends of the Earth, l-Assoċjazzjoni kontra l-iStorbju u l-Għaqda Maltija tal-Biedja Organika kellhom kliem iebes għal kif l-ambjent qed ikun imżeblaħ bi gwadann għal ftit u b’detriment għal ħafna.

Prof Alfred Mallia, f’isem Friends of the Earth, ikkritika l-permessi għall-izvilupp tal-Mistra, il-permess għal żvilupp maġenb it-tempji f’Ta’ Ħagrat u l-pavimentar f’buffer zone tax-Xagħra Circle f’Għawdex. Hu semma’ wkoll żewġ deċiżjonijiet kontroversjali dwar il-permess li ngħata lil petrol station f’Ħal Qormi, minkejja l-ksur tar-regolamenti fil-bini, u issa saret applikazzjoni għal żvilupp ta’ 33 maħżen f’ODZ f’Ħal Kirkop, fejn il-MEPA eżentat lill-applikant milli jagħmel Studju dwar l-Impatt Ambjentali.

Astrid Vella, f’isem Flimkien għal Ambjent Aħjar, ikkritikat id-dokument “For an Efficient Planning System” u qalet li l-effiċjenza qed tintuża’ biss biex jiżżarmaw ir-regolamenti kollha tal-MEPA u bħala skuża biex jiżdied l-għoli tal-bini. Hi qalet li bini ta’ valur storiku mhux qed ikun imħares u l-Gvern, minflok jgħin lis-sidien biex iżommu fi stat tajjeb bini ta’ valur storiku, qed jinkoraġixxi t-traskuraġni. Vella qalet li l-Gvern qed jieħu lil Malta lura fil-qasam ambjentali, iżda saħqet li rridu nieħdu lil Malta lejn futur Ewropew f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tal-ambjent. Hi qalet li b’dak li qed jiġri, qed tkun perikolata l-industrija tat-turiżmu, li tħaddem madwar 50,000 persuna.

Alfred Baldacchno, membru ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar u li għandu esperjenza fid-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA, qal li l-Awtorità falliet kompletament u tinsab fi stat meskin. Hu qal li r-regolamenti l-ġodda jiffavorixxu lill-ispekulaturi għax il-MEPA m’għandhiex viżjoni ambjentali.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll John Agius f’isem ir-Ramblers’ Association, John Portelli f’isem l-Għaqda tal-Biedja Organika u John Fenech f’isem l-Assoċjazzjoni kontra l-iStorbju.