L-imħabba evanġelika, l-appoġġ u d-determinazzjoni huma t-tliet fatturi l-aktar importanti li fuqhom hi bbażata d-Dar tal-Providenza. Dawn huma l-istess tliet fatturi li joħorġu mil-logo il-ġdid tad-Dar.
Għad-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef, l-imħabba evanġelika hi mportanti biex nirrispettaw u nistmaw lill-persuni b’diżabbiltà bħala persuni ndaqs. Il-ħidma tad-Dar iddur mal-appoġġ li tagħti lill-persuni b’diżabbiltà li jgħixu jew li jużaw is-servizz tagħha, iżda wkoll lill-familji tagħhom b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Fr Martin spjega wkoll kif permezz tad-determinazzjoni, id-Dar tippromwovi l-iżvilupp personali ħolistiku u l-inklużjoni soċjali tal-persuni biex dawn ikunu aktar awtonomi u kapaċi jiddeterminaw ħajjithom huma stess.
Il-logo tnieda minn Fr Martin Micallef u hu xogħol l-artist żagħżugħ Sean Cini. Id-disinn juri żewġ petali ffjuriti fuq żewġ figuri, li b’idejhom miftuħa huma lesti li jilqgħu, iħobbu u jagħtu appoġġ. Minkejja li l-kuluri użati huma differenti, jikkumplimentaw lil xulxin, bħalma jiġri fid-diversità tal-bnedmin.
F’konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar dan il-logo, Fr Martin Micallef qal li dan tħejja għall-2015 għax matulha is-sena d-dieħla se jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar. Minn 48 sottomissjoni li waslu għand il-Bord tad-Dar, bord tal-għażla issuġġerixxa l-finalisti. Minn dawn, il-Bord tad-Dar għażel id-disinn rebbieħ, dak ta’ Sean Cini.
Sean Cini għandu 26 sena u hu mill-Fgura. Jaħdem bħala Graphic Designer fid-Dipartiment tal-Marketing tal-Maltapost.
//= $special ?>