Internazzjonali Knisja

Il-Belt tal-Vatikan tħejji għall-kanonizzazzjoni ta’ żewġ Papiet

Jinsabu fl-aqwa tagħhom, fil-Belt tal-Vatikan, il-preparamenti għall-Ħadd li ġej, meta l-Papa Franġisku se jikkanonizza lill-Papa Ġwanni Pawlu II u lill-Papa Ġwanni XXIII. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, Ruma mistennija tilqa’ madwar miljun pellegrin, li se jattendu ċ-ċeremonja, fosthom il-mara ta’ 50 sena minn Costa Rica li miraklu li seħħ fuqha hu attribwit għal Ġwanni Pawlu II u wassal biex dan il-Papa se jkun kanonizzat.

F’Malta, fi stqarrija tal-Gvern, illum tħabbar li l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia se jkun qed imexxi d-delegazzjoni uffiċjali Maltija. Filwaqt li f’isem l-Oppożizzjoni se jattendi l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, mart il-Prim Ministru Michelle Muscat se tkun qed tirrappreżenta lill-Prim Ministru. Dawn se jingħaqdu ma’ mijiet ta’ dinjitarji li se jinġabru wkoll fil-Belt tal-Vatikan. Skont il-Protokoll, jekk il-Prim Ministru ma jkunx jista’ jattendi għal okkażjonijiet bħal dawn, imur minfloku l-Viċi Prim Ministru jew il-Ministru tal-Affarijiet Barranin.

Sadanittant, f’Ruma diġà hemm l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, li l-Ħadd se jikkonċelebraw mal-Papa Franġisku f’isem il-Knisja Maltija. U l-Ħadd li ġej, il-gazzetta “Il-Mument” se tippubblika Suppliment Speċjali dwar dawn iż-żewġ Papiet, b’intervisti, tifkiriet taż-żjarat ta’ Ġwanni Pawlu II f’Malta u poster kbir bil-kulur.