Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg għamel żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt. Tonio Borg tkellem dwar ir-rabta li teżisti bejn l-aċċessibbiltà u s-saħħa, filwaqt li stqarr li Malta sejra tajjeb f’dan l-aspett.
Il-Kummissarju Ewropew Malti rrefera għar-rata tat-twelid u l-ħajja fit-tul u saħaq li sar ħafna titjib f’dan ir-rigward. Madankollu, fejn għandu x’jaqsam ma’ gruppi li għandhom dħul finanzjarju baxx, id-distakk ma ċċaqlaqx u baqa’ l-istess fost iċ-ċittadini Ewropej.
Min-naħa tagħha, il-President Coleiro Preca qalet li r-rwol tagħha mhux biss hu relatat mal-filantropija iżda jrid ikun iffukat fuq l-għaqda tan-nies ma’ xulxin. Hi qalet li l-poplu Malti jrid ikun iżjed konxju u ma japprezzax biss dak kollu li hu Malti. Għandu jagħti wkoll każ tad-diversi kulturi li qed jidħlu fis-soċjetà tagħna ħalli b’hekk nitgħallmu minn xulxin.
//= $special ?>