Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN jibqa’ jaħdem favur kunsens fis-Saħħa

Mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista xorta baqa’ jaħdem favur kunsens fil-qasam tas-Saħħa. Dan għax jemmen li hemm bżonn pjan fit-tul bejn il-Privat u l-Gvern ħalli s-settur privat ikollu rwol akbar f’dan is-settur. Dan qalu l-Kap tal-PN Simon Busuttil meta dalgħodu żar l-Isptar Saint James f’Tas-Sliema. Hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Trevor Degiorgio u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia, Kevin Plumpton u Francis Zammit Dimech.

Filwaqt li enfasizza dwar l-importanza li għandu l-Privat f’dan is-settura, il-Kap tal-PN fakkar fil-ħolqien tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa, fuq proposta tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech. Simon Busuttil qal li fl-ewwel sena tiegħu, il-Gvern seta’ jagħmel ħafna aktar, fosthom biex jonqsu l-mediċini out of stock, il-waiting lists għall-operazzjonijiet u n-nies fil-kuriduri.

Hu fakkar kif fil-bidu tal-leġiżlatura, il-Gvern Laburista waqqaf il-ftehim mal-Privat biex isiru l-operazzjonijiet tal-katarretti u anke jingħataw servizzi ta’ emerġenza. Dan il-ftehim kien għamlu Gvern nazzjonalista matul il-leġiżlatura li għaddiet. Ironikament, propju llum, il-Gvern ħabbar ftehim differenti f’dan il-qasam mal-Privat. Madankollu, sostna Simon Busuttil, dan il-ftehim imissu qatt ma twaqqaf għax ma kellux għalfejn jitwaqqaf. Il-koperazzjoni fis-Saħħa bejn il-Gvern u l-Privat hu ta’ benefiċċju għall-pazjenti.

Min-naħa tagħha, is-CEO tal-Isptar Saint James Maria Bugeja rringrazzjat lill-Kap tal-PN għaż-żjara tiegħu. Filwaqt li awguratlu għall-ħidma tiegħu, fakkret kif fis-Saħħa l-Privat joffri benefiċċji u servizzi li ma ssibhomx fl-istituzzjonijiet pubbliċi tas-Saħħa. Hi appellat biex il-Privat u l-Gvern jingħaqdu f’dan il-qasam għax b’hekk igawdu l-pazjenti.

Id-delegazzjoni tal-PN iddawwret minn Maria Bugeja madwar l-Isptar, bil-Kap tal-Oppożizzjoni kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-ħaddiema u anke jitkellem ftit magħhom.