Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit baqa’ ma weġibx għall-mistoqsija ta’ MaltaRightNow.com dwar jekk membru tal-Korp tal-Pulizija għandux jieħu sehem f’attivitajiet politiċi, it-tweġiba tasal xorta mill-Kodiċi ta’ Etika għall-Korp tal-Pulizija, li jitkellem ċar f’dan ir-rigward.
MaltaRightNow.com bagħat jistaqsi lill-Kummissarju tal-Pulizija wara li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, it-Tlieta li għadda żar familja fl-Isla. Wara sar magħruf li l-familja tiġi minn Muscat, filwaqt li r-raġel tal-familja hu Pulizija. Taħt il-kapitlu “Obbligazzjonijiet tal-Membri tal-Korp tal-Pulizija”, il-Kodiċi ta’ Etika jgħid b’mod ġenerali li l-integrità u l-onestà ta’ kull membru tal-Korp tal-Pulizija għandha testendi wkoll fil-ħajja privata u personali tiegħu.
Il-Kodiċi ta’ Etika hu aktar speċifiku dwar l-involviment f’attivitajiet ta’ natura politika u jgħid: “li membru tal-Korp tal-Pulizija jkun affiljat jew jieħu sehem attiv jew fil-miftuħ ma’ xi partit politiku jew ma’ xi għaqda b’għanijiet partiġġjani, hu assolutament ipprojbit”. F’dan il-każ, dak li għamel Muscat imur 100% kontra dak li jgħid il-Kodiċi tal-Etika. Hu żar Pulizija f’daru, propju f’waħda mill-ewwel attivitajiet tal-kampanja elettorali Laburista u fil-preżenza tal-ġurnalisti u l-cameras.
Għaldaqstant, il-fatt li l-kap tal-familja li żar Muscat hu Pulizija u allura hu projbit mill-Kodiċi ta’ Etika milli jieħu sehem f’attività politika bħal dik tat-Tlieta li għadda, tista’ tkun raġuni oħra għaliex Muscat u l-Partit Laburista ppruvaw jostru l-identità ta’ din il-familja u biddlu l-kunjom minn Buhagiar għal Bartolo.
//= $special ?>