Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żabbar ammetta fil-Qorti tal-Maġistrati li seraq karozza mill-istess lokalita’ u flimkien ma’ xi ħbieb tiegħu qagħdu jduru biha.
Wilton Gatt ammetta li fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ April seraq Hyundai Accent b’dannu għal Steven Zerafa minn Ħaż-Żabbar stess, li għamel użu mill-istess karozza meta ma kellux liċenzja tas-sewqan u polza tal-assikurazzjoni kif ukoll li waħħal magħha pjanċa tar-reġistrazzjoni li ma kinietx maħruġa fuqha.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras se tagħti s-sentenza fil-konfront ta’ Gatt nhar it-Tnejn. Minn naħa tiegħu, ż-żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €2,500.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut waqt li jiddefendi lil Gatt kien hemm l-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo.
//= $special ?>

