Malta tkun aħjar jekk fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fl-24 ta’ Mejju il-Partit Nazzjonalista jilħaq il-mira tiegħu u għal ewwel darba jtella tliet Deputati fil-Parlament Ewropew. Iż-żewg Deputati tal-PN fil-Parlament Ewropew ġabru riżultati aħjar għal Malta milli ġabu l-erba’ tal-Partit Laburista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan il-Ġimgħa waqt attivita`poltika mal-kandidati tal-PN fil-Pjazza tas-Siġġiewi. Ħadu sehem ukoll il-kandidati Francis Zammit Dimech, Kevin Plumpton u Therese Comodini Cachia.
Simon Busuttil qal li l-PN anke mill-Oppożizzjoni qed jaħdem biex Malta tkun aħjar, Malta iktar magħquda b’opportunitajiet għal kulħadd u mhux biss għal dawk tal-qalba bħalma qed jagħmel il-Partit Laburista.
Il-Kap tal-PN qal ukoll li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena id-defiċit sploda b’60 miljun ewro iktar mill-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet u dan iġib fix-xejn il-ftahir tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Hu qal li anke fil-qasam tax-xogħol il-qgħad qed jiżdied xahar wara l-ieħor tant li hawn madwar 8,000 ruħ jirreġistraw għax-xogħol, fosthom 5,800 żagħżugħ u żagħżughħa u 2,000 mara.
Simon Busuttil qal li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hi diffiċli għal Partit Nazzjonista li se jibda bi żvantaġġ ta’ 36,000 vot mill-elezzjoni generali li għaddiet imma l-poplu jista’ jitkellem bil-vot tiegħu u l-PN se jibqa’ jaħdem b’umilta` u b’enerġija kbira.
Francis Zammit Dimech qal li l-Parlament Ewropew hu wkoll il-Parlament tal-poplu Malti u d-deċiżjonijiet li jittieħdu jolqtu direttament il-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk tajjeb li kull hemm rappreżentanti tal-poplu li jkollhom il-valuri tal-onesta’ u tal-integrita`u jibqgħu qrib in-nies.
Kevin Plumpton qal li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wasslet biex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għandhom iktar opportunitajiet fl-edukazzjoni. Hu qal li l-PN dejjem emmen fis-sħubija fl-UE u llum pajjiżna qed igawdi mis-sħubija fosthom fis-settur tal-edukazzjoni.
Therese Comidini Cachia qalet li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea żiedet il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna fosthom id-dritt għal privatezza. Hi qalet li qed issir diskriminazzjoni politika għal min jieħu l-mediċini b’xejn u l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi għandu jinvestiga u m’għandux jippermetti dan.
//= $special ?>