Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Mediċini ‘out-of-stock’ qed jitqassmu minn każini laburisti

Fl-aħħar jiem kien żvelat li l-Gvern qed jagħmel diskriminazzjoni politika u jqassam mediċini li jkunu skarsi lil min irid hu, pazjenti li jagħzel hu. Issa saħansitra jidher li t-tqassim ta’ dawn il-mediċini qed isir minn każini laburisti fil-lokalitajiet, bl-informazzjoni li għandna tgħid li hekk qed jigri, per eżempju, f’Ħal Tarxien.

Fejn klijenti li ma jinqdewx mill-ispizeriji fejn jgħidulhom li l-medicina tkun out-of-stock, qed jintbagħtu fil-każin tal-lejber, u jaqduhom id-deputati laburisti.

Dan l-istazzjon fl-aħħar sigħat irċieva numru ta’ rapporti minn individwi u anke minn spiżjara li jinsabu rrabjati għall-fatt li dan l-indħil politiku fil-proċess tat-tqassim tal-medicini jista’ jwassal għal riskji kbar. Biss biss, it-tqassim fil-każini mhux isir minn spizjara kwalifikati.

La l-Ministru Konrad Mizzi u lanqas is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ma ċaħdu dan kollu.

U fl-istess hin li ma ċaħadx li kollegi tiegħu fil-Grupp Parlamentari Laburista qed iqassmu l-mediċini fil-każini Laburisti, Konrad Mizzi rreaġixxa għal dak li qalet l-ispiżjara Denise Ellul din il-ġimgħa, li kienet hi li kkonfermat li qed issir din id-diskriminazzjoni fit-tqassim tal-mediċini.

Iżda, fl-istess sentenza, Konrad Mizzi kkontradixxa lilu nnifsu. Għax meta tkellmet l-ispiżjara Ellul ftit jiem ilu, caħad li qed issir diskriminazzjoni fost il-pazjenti, iżda issa qed jgħid li għamel attentat biex ikellimha ħalli jara x’informazzjoni għandha.

U aktar kmieni din il-gimgħa, l-Ministru Mizzi ssorprenda lil kulħadd meta ħareg jiddikjara li l-medicini out-of-stock naqsu, mhux żdiedu.

Iżda, mistoqsi biex iwieġeb kemm hemm mediċini f’forma ta’ pending order, għaliex kif żvela dan l-istazzjon, it-titlu “out-of-stock” fuq il-formola issa nbidel ghal “pending order”, Konrad Mizzi ma weġibx.

Mizzi u Fearne kienu qed jitkellmu waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Mater Dei li ssejħet biex il-Gvern, fl-istess ħin li l-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil kien qed jagħmel żjara fl-Isptar St. James, iħabbar li laħaq ftehim ma’ żewg sptarijiet privati biex l-MRIs jibdew isiru mal-privat, bil-għan li titnaqqas il-lista tal-istennija.

Madanakollu, kif anke ammetta Chris Fearne stess, dan mhux xi ftehim ġdid, għaliex sħubija bejn Gvern u privat fil-qasam tas-saħħa bdieha l-Gvern Nazzjonalista.