Qorti

Multa fuq inċident tat-traffiku li seħħ kważi 22 sena ilu

Joseph Camilleri kien kundannat iħallas multa ta’ €4,000 u sospensjoni tal-liċenzja għall-ħames xhur wara li nstab ħati li kien involut f’inċident sfortunat tat-traffiku li fih kienet mietet tarbija ta’ anqas minn sena. Dan il-każ imur lura kważi 22 sena.

Il-każ kien qed jinstema quddiem Maġistrat ieħor u kien fl-aħħar xhur li l-każ spiċċa għand il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras L-inċident kien seħħ fis-7 ta’ Awwissu tal-1992 meta Joseph Camilleri li dak iż-żmien kien għad kellu 19-il sena, waqfitlu l-karozza tal-marka Anglia, li kien qed isuq.

Huwa mar id-dar u qal lil ħuh Aaron li dak iż-żmien kellu 14-il sena biex jieħdu l-karozza t’ommhom u jirmunkaw l-Anglia. Wara li ftehmu, rabtu ħabel bejn il-karozza tal-omm, Peugeot u l-Anglia. Joseph Camilleri saq il-Peugeot, filwaqt li Aaron tela’ fl-Anglia.

Meta kienu għadejjin mill-inħawi ta’ Tal-Balal, limiti ta’ San Ġwann,m inqata’ l-ħabel b’konsegwenza li l-Anglia baqgħet dieħla f’karozza Skoda “head on”. Li Skoda kienet misjuqa minn Anthony Zammit li miegħu kellu lil mara Rita, żewġ tewmin ta’ 10 xhur Greta u Lynn, tifla ta’ tliet snin Janice li huma kollha ulied il-koppja u n-neputija tas-sewwieq Erica ta’ 12-il sena.

Kawża tal-ġrieħi li sofriet f’din il-ħabta, waħda mit-tewmien Greta mietet ftit jiem wara fl-Isptar San Luqa, dan ġara fit-28 t’Awwissu 1992. F’dan l-inċident is-sewwieq kien sofra ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara u t-tarbija l-oħra, Lynn sofrew ġrieħi ħfief. Iż-żewġt itfal l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Il-Pulizija kienet resqet il-Qorti liż-żewġ żgħażagħ u lil ommhom. Iż-żgħażagż kienu akkużati bil-mewt involontarja ta’ Greta, fost akkużi oħrajn. Madankollu aktar tard fuq l-omm l-akkużi prinċipali waqgħu għax ħareġ li hi ma kinitx qed issuq il-karozza Skoda. Aaron Camilleri ma nstabx ħati kriminalment għax kien minorenni, iżda Joseph Camileri weħel multa ta’ €4,000 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal ħames xhur.

Huwa mifhum li Camilleri snin ilu kienet tat kumpens ta’ LM28,000 lill- familja Zammit. Dawn ma kinux ngħataw bħala parti minn kawża ċivili iżda wara ftehim li sar barra l-Qorti li miegħu qablet il-familja Camilleri. L-Avukat Arthur Azzopardi deher għall-familja Camilleri.