Ġuvnott ta’ 25 sena minn Ħaż-Żabbar mar sitt xhur ħabs u kien immultat €800 wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu 17-il pillola ‘ecstasy’.
Kyle Gili instab ħati li kellu fil-pussess tiegħu l-ecstasy u li dawn instabu f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għall-użu esklussiv tiegħu.
L-Ispettur Pierre Grech, li mexxa l-Prosekuzzjoni, qal quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kif fil-lejl tal-31 ta’ Diċembru 2007 numru ta’ pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga wettqu diversi tfittxijiet f’Paceville.
Fost dawn kien hemm waħda fl-“Eden Ice Arena” fejn kien għaddej party u kien hawn li fuq Gili sabulu l-‘ecstasy’ li sitta minnhom kienu f’borża ċkejkna tal-plastik fil-but tax-xellug u l-11 l-oħra f’kontenitur tal-plastik fil-but tal-lemin.
Meta xehed fil-kawża, Gili beda biex qal li huwa kien iltaqa’ ma’ persuna waqt ‘boat party’ u kienet din il-persuna li kienet iġġiblu l-ecstasy.
Huwa semma kif sitta mill-pilloli li kellu fuqu kienu tiegħu waqt li l-11 l-oħra kienu għal din il-persuna.
Skont Gilio, dak il-lejl kien beħsiebu jieħu sitt ecstasy u semma kif ġieli ħa anke 12 jew 13 f’lejl. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li l-istqarrija tiegħu li sitta mill-pilloli kienu għalih seta’ kien minnu għax l-espert Godwin Sammut li xehed fil-kawża qal li skont studju li sar jirriżulta li l-medja normali ta’ pilloli ikkunsmati f’madwar sitt siegħat hija ta’bejn żewġ pilloli u ħamsa.
Dwar il-11-il ‘ecstasy’ l-oħra hija qalet li Gili ammetta li dawn ma kienux għalih u għalhekk sabitu ħati li kellu fil-pussess tiegħu droga li mhux għal użu personali tiegħu.
//= $special ?>

